Lokali

Jiżdiedu l-oġġezzjonijiet għall-monti fin-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Merkanti

Il-Kamra tal-Kummerċ, il-GRTU, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MHRA, Valletta Alive Foundation, u l-assoċjazzjonijiet li jiġbru fi ħdanhom is-sidien tal-ħwienet ta’ Triq ir-Repubblika u ta’ Triq il-Merkanti fil-Belt Valletta qed joġġezzjonaw għaċ-ċaqlieq tal-monti għan-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Merkanti.

F’konferenza tal-aħbarijiet, l-assoċjazzjonijiet spjegaw li din it-triq issa hi kklassifikata fil-livell ta’ A, fl-istess livell ta’ Triq ir-Repubblika.

L-assoċjazzjonijiet kienu kollha f’vuċi waħda, li huma kontra li l-monti jarma f’din il-parti tat-triq, għal diversi raġunijiet fosthom l-investiment qawwi li għamlu diversi sidien tal-ħwienet fl-aħħar snin meta ma kien hemm ebda pjan ta’ ċaqlieq tal-monti għal hawnhekk.

Spjegaw li jekk il-monti jarma quddiemhom, hemm riskju li franchises jitilqu mill-pajjiż u postijiet tax-xogħol jiġu mhedda. Qalu wkoll li jemmnu li l-proġett li għadu kemm ġie approvat mill-UNESCO, għal mużew għall-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, jiġi milqut ħażin u ħeġġew koordinazzjoni f’dan is-sens.

Huma nsistew li hemm postijiet alternattivi fejn jista’ jarma l-monti u li huma lesti li jiddiskutu soluzzjonijiet għall-problema.

B’reazzjoni, il-Gvern fi stqarrija qal li għadu għaddej b’konsultazzjoni ma’ dawk kollha konċernati dwar iċ-ċaqlieq tal-monti, inkluż mal-GRTU, il-Kamra tal-Kummerċ u l-assoċjazzjoni tan-negozji fi Triq il-Merkanti.

Il-Gvern insista li għadha ma ttieħdet ebda deċiżjoni uffiċjali dwar ir-rilokazzjoni tal-monti għall-parti ta’ fuq ta’ din it-triq. Qal biss li rċieva petizzjoni mis-sidien tal-monti li huma lesti jikkooperaw mal-kundizzjonijiet li jtihom il-Gvern, anke jekk jiġu rilokati iktar ’il fuq fi Triq il-Merkanti.

Il-Gvern qal li jagħraf li hi tema sensittiva li tolqot l-interess ta’ diversi u għalhekk se jimxi b’kawtela biex jassigura l-interessi ta’ kulħadd.