Il-Qorti tal-Arbitraġġ Sportiv (CAS) ma laqatx l-appell tal-President tal-UEFA Michel Platini (fir-ritratt) dwar is-sospensjoni li kien ingħata mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA.
Il-Kumitat tal-Etika tal-FIFA, fost diversi persuni, issospenda għal 90 jum lil Platini, hekk kif dan qed ikun investigat għax fl-2011 kien irċieva pagament mingħand il-President tal-FIFA Sepp Blatter għal xogħol li kien għamel hu stess bejn l-1998 u l-2002 meta kien ‘konsulent speċjali’ ta’ Blatter. Blatter hu wkoll sospiż mill-Kumitat tal-Etika tal-FIFA.
Ta min jiftakar li Platini kien tefa’ l-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni Presidenzjali tal-FIFA li se ssir fis-26 ta’ Frar tas-sena li ġejja imma għalissa mhux qed ikun meqjus bħala kandidat uffiċjali minħabba li hu sospiż.
Is-sospensjoni ta’ Platini tintemm fil-bidu ta’ Jannar u la darba din tintemm il-Kumitat Elettorali jerġa’ jevalwa jekk Platini jkunx eliġibbli biex jikkontesta l-elezzjoni.
Minħabba li l-CAS ma laqax l-appell ta’ Platini dan mhux se jkun jista’ jattendi għat-tlugħ tal-poloz tal-fażi finali tal-Euro 2016 li se jsir proprju għada f’Pariġi.
Il-Kumitat tal-Etika tal-FIFA għadu qed jinvestiga l-każ ta’ Blatter u Platini u l-verdett finali se jkun imħabbar fil-21 ta’ Diċembru. Jista’ jagħti l-każ li Platini jkun sospiż għal għomru mill-futbol. F’Mejju li għadda, Blatter kien ħabbar li se jirriżenja minn President tal-FIFA.
//= $special ?>