Internazzjonali

Putin irid ‘azzjoni konkreta’ fil-konfront ta’ theddid fis-Sirja

Il-President tar-Russja Vladimir Putin ħareġ direttivi lill-militar ta’ pajjiżu biex jieħu miżuri mill-aktar ħorox u ibsin fil-konfront ta’ kwalunkwe theddid lill-qawwiet Russi fl-artijiet tas-Sirja.

Putin, li kien qed jitkellem waqt laqgħa għall-ogħla uffiċjali tad-Difiża, sostna bla tlaqliq li entitajiet li jitqiesu bħala theddida għall-qawwiet Russi, għandhom jinqerdu minnufih. Il-President Russu ma speċifikax id-dettalji iżda insista għal azzjoni fil-pront kontra entitajiet aggressivi.

Għalkemm Putin ma elaborax dwar theddid speċifiku, teżisti tensjoni kbira bejn ir-Russja u t-Turkija wara li l-qawwiet tal-ajru Torok, jiem ilu, waqqgħu bomber Russu f’zona tas-Sirja viċin il-fruntiera tat-Turkija. Fl-inċident kien miet pilota Russu, u l-istess destin mess lil morin Russu li kien jifforma parti minn missjoni intiża biex issalva l-membri tal-ekwipaġġ tal-ajruplan.

Intant, Vladimir Putin wissa biex ma jsirux aktar provokazzjonijiet, mingħajr ma semma lit-Turkija b’isimha.

Ir-Russja ilha minn Settembru twettaq attakki mill-ajru fuq diversi miri fis-Sirja, bil-kelliema għall-Kremlin isostnu li dawn qegħdin isiru fuq it-talba speċifika tal-President Sirjan Bashar al-Assad.

Sadanittant, Putin qal li hu importanti li tiżviluppa l-kooperazzjoni mal-pajjiżi kollha li huma interessati li jeqirdu lit-terroristi.