Il-Bord tal-Governanza Lokali kkundanna, f’żewġ każijiet separati, l-aġir tal-kunsillier Laburista Raymond Azzopardi.
Azzopardi, li hu elett f’isem il-Partit Laburista fil-kunsill lokali tal-Belt Valletta, spiċċa taħt investigazzjoni mill-Bord tal-Gvernanza fuq żewġ każijiet separati fi ftit jiem.
Fl-ewwel każ, il-Bord iddeċieda li Azzopardi kiser il-Kodiċi tal-Etika għar-rappreżentanti eletti tal-gvern lokali.
Il-Bord qies li nhar il-Ġimgħa 4 ta’ Diċembru, Azzopardi ppubblika informazzjoni kunfidenzjali fuq sit soċjali dwar serqa li kienet saret fil-bini tal-kunsill lokali tal-Belt Valletta minkejja li kien hemm ftehim bejn il-membri kollha tal-kunsill li din l-informazzjoni ma kellhiex tixxandar biex ma titfixkilx il-ħidma tal-Pulizija.
Il-Bord ivverifika li Azzopardi kien preżenti għal-laqgħa tal-kunsill li matulha ġie deċiż li tinżamm il-kunfidenzjalità, il-fatt li kiteb fuq sit soċjali, u anke l-Kodiċi ta’ Etika li jorbot lill-membri eletti mill-poplu. Il-Bord għalhekk ikkonkluda li b’li għamel, Azzopardi kiser il-Kodiċi ta’ Etika u indirettament seta’ xekkel l-investigazzjoni tal-Pulizija.
It-tieni każ jittratta dak li dan is-sit irrapporta iktar kmieni dan ix-xahar, meta l-istess Azzopardi bidel l-arma tal-PN u minflok żied l-ittri “ISIS”, b’riferenza għat-terroristi tal-Istat Iżlamiku.
Il-Bord ta’ Governanza Lokali nvestiga l-każ wara li kienu l-kunsilliera sħabu li esprimew b’mod pubbliku l-kundanna tagħhom. Anke hawn il-Bord ikkundanna bla riserva dan l-atteġġjament u qal li dan juri nuqqas ta’ rispett minn Azzopardi lejn il-kariga li hu għandu bħala kunsillier, kif ukoll lejn sħabu stess li jiffurmaw parti mill-istess kunsill lokali u lejn il-kunsill lokali.
Il-Bord fakkar ukoll lil Azzopardi li fit-18 ta’ Frar tal-2014 kien diġà ġibidlu l-attenzjoni dwar l-użu ta’ siti soċjali u dak iż-żmien kien għamilha ċara li ma kienx se jħalli li jinħolqu tensjonijiet bla bżonn bejn kunsilliera u ħaddiema tal-kunsill minħabba kummenti frivoli. Dakinhar ukoll, il-Bord kien fakkar lil Azzopardi li l-privileġġ li għandu li jservi lir-residenti tal-Belt Valletta, jista’ jsir aħjar bla battibekki bla bżonn.
//= $special ?>


