Internazzjonali

Disfatta għall-Front Nazzjonali fi Franza

Il-Partit tal-Front Nazzjonali ta’ Marine Le Pen jidher li sofra disfatta fit-tieni round tal-elezzjonijiet reġjonali fi Franza meta kien qed jittama li jikkonsolida l-kisbiet elettorali ta’ ġimgħa ilu, waqt l-ewwel fażi tal-proċess.

Skont l-ewwel exit polls li għadhom kemm ħarġu, l-estremisti tal-lemin ta’ Le Pen naqsu milli jirbħu mqar reġjun wieħed minkejja li kienu qed igawdu vantaġġ f’sitta fost it-13 il-reġjuni ta’ Franza permezz tal-vot ta’ ġimgħa ilu.

L-exit polls qed juru wkoll vantaġġ għall-Partit Repubblikan taċ-ċentru-lemin tal-eks-President Franċiż Nicolas Sarkozy u meta warajh hemm is-Soċjalisti tal-President ta’ Franza, Francois Hollande.

L-osservaturi qalu li t-tieni round tal-elezzjonijiet fi Franza, is-soltu, iservi biex jikkontrolla l-aspirazzjonijiet u l-avvanzi politiċi tal-Front Nazzjonali.

Il-Front Nazzjonali ta’ Le Pen kien rebaħ madwar 28 fil-mija tal-vot fl-ewwel round tal-elezzjonijiet, bir-Repubblikani ta’ Sarkozy jiksbu 26.65 fil-mija. Skont ir-riżultati ta’ ġimgħa ilu, is-Soċjalisti tal-President Hollande kienu warajhom bi 23 fil-mija tal-vot.

Marine Le Pen, li kkuntestat ir-reġjun ta’ Nord-Pas-de-Calais-Picardie u n-neputija tagħha, Marion Le Pen, li kkuntestat ir-reġjun ta’ Provence-Alpes-Cote d’Azur, lejn in-Nofsinhar, it-tnejn dehru li rebħu ’l fuq minn 40 fil-mija tal-vot fl-ewwel round.

Iżda minkejja kollox, l-aħħar indikazzjonijiet jissuġġerixxu li Marine u Marion Le Pen it-tnejn fallew milli jkunu eletti.