Fl-aktar deċiżjonijiet importanti għal Għawdex u l-Għawdxin, il-Prim Ministru Muscat warrab u qiegħed ikompli jwarrab għalkollox lill-Ministru għal Għawdex Anton Refalo. Fl-aħħar deċiżjonijiet li ħa l-Gvern ta’ Muscat, iddikjara li l-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex li hi tant importanti u tant ilha mistennija għall-gżira ta’ Għawdex, hu fdat f’idejn il-Ministru Joe Mizzi.
Kemm il-Gvern ta’ Muscat qiegħed ikompli jirriduċi lill-Ministeru għal Għawdex f’xejn aktar minn kunsill lokali jew dipartiment tal-gvern, kienet id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Muscat fi tweġiba li ta fil-Parlament għal mistoqsija tax-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said.
Il-gazzetta il-mument illum qed turi l-mod li bih il-Prim Ministru qiegħed iwarrab lill-Minitru għal Għawdex, b’dikjarazzjonijiet li għamel l-istess Prim Ministru fil-Parlament dan l-aħħar.
Mistoqsi jgħid liema Ministeru se jkun inkarigat mill-istudji u proġett tal-mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex, il-Prim Ministru wieġeb biss u mingħajr wisq dettalji, li l-Ministeru tat-Trasport u Infrastrutura hu l-Ministeru inkarigat mill-istudji u l-proġett tal-mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex.
Il-fatt li fit-tweġiba li ta l-Prim Ministru ma saret ebda riferenza lejn l-involviment tal-Ministeru għal Għawdex, hi konferma ta’ kemm il-Prim Ministru Muscat u l-Gvern tiegħu qegħdin jiżolaw u jwarrbu lill-Ministeru għal Għawdex u lill-Ministru Anton Refalo.
Proġett bħal dan, b’importanza daqstant kbira għall-gżira ta’ Għawdex, ma jinftihemx ir-raġunar li l-Ministeru għal Għawdex ma jkunx parti importanti, u fiċ-ċentru fit-twettiq ta’ dan il-proġett.
Min-naħa l-oħra, iżda, din l-esklużjoni tal-Ministru għal Għawdex fuq materja daqstant importanti li bla dubju se jkun l-akbar proġett mhux biss għal Għawdex iżda għall-gżejjer Maltin kollha, dan ir-raġunar ikompli jikkonferma li dan hu Gvern li qiegħed iwarrab lill-Għawdxin minn deċiżjonijiet ta’ importanza għall-futur tal-istess Għawdxin.
Dan l-istil ta’ politika tal-Gvern ta’ Muscat, diġà rajnih u qed inkomplu narawh f’setturi oħra importanti għal Għawdex.
Fis-settur tal-edukazzjoni u fis-settur importanti wkoll tas-saħħa, il-Gvern ta’ Muscat konxjament u bi skop politiku ma ta ebda vuċi lill-Ministru Anton Refalo u lill-Ministeru għal Għawdex.
Kif esprima fil-Parlament u f’diversi dibattiti oħra x-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said, ebda Ministru Għawdxi ma kien se jaċċetta li l-uniku sptar f’Għawdex jiġi privatizzat. Ebda Ministru Għawdxi ma kien se jbigħ lil barranin jew lill-privat is-servizzi tas-saħħa fil-gżira Għawdxija. Ebda Ministru Għawdxi ma kien se jaċċetta li jitwarrab fuq ftehim li ffirma l-Gvern dwar skola medika barranija f’Għawdex.
Il-Partit Laburista qatt ma tkellem fil-Manifest Elettorali tiegħu dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar ta’ Għawdex. Bil-maqlub ta’ dak li qed jagħmel illum, il-Partit Laburista kien qal li se jkun qed jinvesti bil-kbir, iżda llum mhux biss mhux se jinvesti, iżda se jbigħ l-isptar għal 30 sena.
L-istess qiegħed jiġri fis-settur tal-edukazzjoni, b’deċiżjonijiet jittieħdu mill-Ministeru tal-Edukazzjoni mingħajr ebda konsultazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.
F’dawn iż-żewġ setturi ta’ importanza għall-Għawdxin, rajna d-deċiżjonijiet jittieħdu mill-Ministri Konrad Mizzi u mill-Ministru Evarist Bartolo, bil-Ministru Refalo jitħalla fil-ġenb u spettatur.
Issa, wara li l-Gvern ħela sentejn u nofs għaliex ma mexiex fuq dak li kien inbeda mill-amministrazzjoni Nazzjonalista dwar il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex, u reġa’ beda kollox mill-bidu u saħansitra wkoll kien iffirma ftehim ma’ kumpanija blacklisted mill-Bank Dinji biex tistudja l-possibbiltà ta’ pont bejn iż-żewġ gżejjer, issa l-Gvern ta’ Muscat qiegħed ikompli jwarrab lill-Ministeru għal Għawdex u lill-Ministru Refalo.
Minbarra li dan hu Gvern li ġab lill-Ministeru għal Għawdex fix-xejn u rriduċih daqs dipartiment jew kunsill lokali, Gvern Laburista wkoll mar kontra wiegħdi importanti li għamel lill-Għawxin qabel l-elezzjoni – dik dwar il-proġett ta’ air link u l-wiegħda l-oħra tal-fast ferry service.
Sena ilu fil-Baġit, il-Gvern qal li tlestew l-istudji u fi żmien qasir se jkun hemm servizz bl-ajru mhux biss bejn iż-żewġ gżejjer iżda wkoll titjiriet minn Gawdex lejn postijiet oħrajn fil-qrib fil-Mediterran. Wara li għaddiet sena mhux biss ma sar xejn, iżda l-Gvern issa qed jidfen proġett ieħor imwiegħed qabel l-elezzjoni għaliex iddikjara li l-proġett tal-air link m’għadux prijorità.
Dan meta wkoll il-wegħda tal-fast ferry service lanqas m’għadha tissemma quddiem ir-realtà li l-aċċessibbiltà permezz ta’ mina għadu ‘l bogħod, kemm minħabba li nħlew sentejn u nofs u għadhom se jibdew l-istudji, kif ukoll meta wieħed jikkunsidra li proġett daqstant kbir jirrikjedi ħafna studji, xogħol u ħafna żmien biex jiġi implimentat u konkluż.
//= $special ?>