Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan wissa liċ-ċittadini tiegħu biex ma jivvjaġġawx lejn il-Burundi fejn, fl-aħħar jiem, żdiedet sew il-vjolenza politika.
Sadanittant, ħareġ avviż biex iċ-ċittadini tal-Istati Uniti li jinsabu fl-artijiet tal-Burundi ‘jitilqu minn hemm mill-aktar fis possibbli’. Dan għaliex l-Ambaxxata Amerikana fil-pajjiż jista’ joffri biss ‘servizzi ta’ emerġenza limitati ħafna liċ-ċittadini fl-inħawi’.
L-Armata tal-Burundi, fi tmiem il-ġimgħa, qalet li nqatlu talanqas 87 persuna waqt attakki fuq tliet siti militari f’Bujumbura. Il-maqtula kienu jinkludu suldati u pulizija, bl-organizzazzjoni Human Rights Watch, ilbieraħ, issejjaħ għal investigazzjoni ‘serja u indipendenti’ dwar il-qtil.
Il-protesti fil-Burundi kienu bdew f’April meta l-President tal-pajjiż, Pierre Nkurunziza, ħabbar li kien se jipprova għal tielet mandat ta’ poter. Proprju x-xahar li għadda, l-Belġju ukoll wissa liċ-ċittadini fil-Burundi biex jitilqu, waqt li l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tnaqqas il-livelli tal-istaff f’dan il-pajjiż Afrikan.
//= $special ?>