“Nixtieq nemmen li għadna fil-ħin biex nimmaġinaw Malta morali differenti milli qed issir.”
Kliem il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca fil-ġurnata li pajjiżna qed ifakkar il-41 anniversarju minn mindu Malta saret Repubblika bil-Kap ta’ Stat ikun Malti elett mill-Parlament.
Il-President qalet dan fid-diskors tagħha waqt iċ-ċerimonja ta’ investitura, fejn bħal kull sena jingħata rikonoxximent lil min ikun iddistingwa ruħu u għamel ġieħ lill-pajjiż matul din is-sena.
Fid-diskors tagħha l-President tkellmet fuq numru ta’ problemi attwali, kemm lokali u internazzjonali, fost l-oħrajn il-kunflitt u t-terroriżmu, l-ugwaljanza, il-faqar u l-inugwaljanzi, l-iżvilupp sostenibbli u l-vjolenza domestika fost l-oħrajn.
Il-President kellha wkoll messaġġ qawwi fuq il-vjolenza verbali, ftit jiem wara li fil-Parlament, l-ogħla istituzzjoni f’pajjiżna, spikka l-attakk tad-Deputat Laburist Joe Debono grech fil-konfront ta’ Marlene Farrugia.
Dakinhar Debono Grech hedded lid-Deputat indipendenti Marlene Farrugia bil-kliem: “Niġi għalik u nifqgħek.
Il-President ta’ Malta fid-diskors tagħha qalet li sfortunatament il-vjolenza verbali f’pajjiżna qed dejjem tiżdied.
“B’umilta’ nistaqsi jekk wasalniex f’punt li t-tgħajjir u l-aggressjoni verbali saru tant normalizzati li ma nafux ħajja differenti mingħajrhom,” qalet il-President filwaqt li kompliet li jekk is-suspett tagħha hu fatt, tibda tifhem għalfejn għadd ta’ nies validi qed jaħarbu l-ħajja pubblika.
Fid-dawl ta’ dan appellat lill-adulti biex iżommu quddiem għajnejhom li l-eżempju jkaxkar.
Intant bħal kull sena qabel din iċ-ċerimonja saret il-parata ta’ Jum ir-Repubblika mill-Forzi Armati ta’ Malta bl-uffiċjali, iktar minn 160, jimmarċjaw tul Triq ir-Repubblika sa Pjazza San Ġorġ.
Din is-sena, għall-ewwel darba wara snin twal, intużaw ukoll il-kanuni waqt din il-parata.
//= $special ?>