il-mument tippubblika e-mail li turi kif il-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS Reno Bugeja għandu indħil minn Kastilja. L-email hi mibgħuta minn Kurt Farrugia – il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern
Il-ġurnal il-mument illum ippubblika e-mail bejn Kurt Farrugia, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern, u Reno Bugeja, l-Kap tal-Aħbarijiet tal-Public Broadcasting Services (PBS). Korrispondenza li tixhed bl-aktar mod ċar kif Kurt Farrugia mhux biss jindaħal fil-kontenut tal-aħbarijiet imwassla lit-telespettaturi mill-PBS, iżda anke fit-titli tal-istess aħbarijiet kif ukoll fejn għandhom jixxandru l-ewwel.
F’din il-korrispondenza, li saret fis-27 ta’ April 2015, Kurt Farrugia jgħarraf lil Reno Bugeja li kienet ħierġa stqarrija tal-Gvern u li l-kontenut jista’ jilħaq jittella’ minn qabel fuq is-sit tvm.com.mt qabel l-aħbarijiet li jxandar l-istazzjon nazzjonali.
Fl-istess e-mail Kurt Farrugia jkompli jiddetta lil Reno Bugeja x’titlu għandu jagħmel f’din l-istorja. L-istorja kienet dwar żjara tal-Prim Ministru Joseph Muscat fl-Ażerbajġan, li l-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS suppost kien qed jirrappurtaha mill-Ażerbajġan stess.
Din il-korrispondenza elettronika li qed tiġi żvelata ġġib fix-xejn għal kollox stqarrija xotta maħruġa minn Reno Bugeja l-ġimgħa li għaddiet, meta qal li Kastilja qatt ma tindaħal fl-aħbarijiet tal-PBS. Madankollu l-korrispondenza elettronika li din il-gazzetta qed tippubblika turi mod ieħor.
Ix-xandir nazzjonali partikolarment it-tmexxija tal-Kamra tal-Aħbarijiet tinsab taħt pressjoni kbira wara d-deċiżjoni tal-Awtorità tax-Xandir li sabet lill-PBS ħati li ma xandarx l-aħbar tat-theddid tad-Deputat Laburista Joe Debono Grech fuq id-Deputat Marlene Farrugia fil-Parlament.
Fis-Seduta tal-Awtorità tax-Xandir, Reno Bugeja baqa’ jinsisti li l-ġurnalist tal-PBS ma semax dak it-theddid, u dan minkejja li l-medja kollha l-oħra rrappurtaw dan l-inċident gravi fil-Parlament.
Aktar tard sar magħruf li kuntrarju għall-impressjoni li jagħti l-PBS fl-aħbarijiet, mhux veru li jkun hemm xi ġurnalist isegwi l-Parlament mill-bini tal-istess Parlament fil-Belt Valletta, iżda l-ġurnalist ikun qed isegwi l-Parlament mid-dar. Dan ukoll ġab reazzjoni ta’ twiddib mill-Awtorità tax-Xandir li nsistiet li din il-prassi mhix xierqa għal stazzjon nazzjonali.
//= $special ?>