Kumpanija reġistrata Malta taqa’ taħt kumpanija Torka li s-sid tagħha hu t-tifel tal-President tat-Turkija; akkużat li qed “jiffinanzja” lill-ISIS
Qed iqumu mistoqsijiet dwar il-possibiltà li tankers taż-żejt reġistrati f’Malta qed jintużaw biex jittraffikaw iż-żejt tal-Istat Iżlamiku.
Kummentaturi qed jargumentaw li matul l-aħħar xahrejn, kiber l-interess tal-media internazzjonali biex tiskopri aktar dwar kif l-Istat Iżlamiku qed jirnexxielu jittraffika ż-żejt mhux raffinat fis-suq, sors tajjeb ta’ qliegħ għall-grupp terroristiku.
Il-blog finanzjarju Zero Hedge, fl-aħħar jiem ppubblika informazzjoni li saħansitra tmur pass ‘il quddiem, tant li tissuġġerixxi li f’Malta hawn reġistrati numru ta’ tankers taż-żejt li jista’ jkun li qed jintużaw biex l-ISIS jittraffika ż-żejt fis-suq.
Ritratt fuq:- Poet Qabil – tanker reġistrat f’Malta implikat li qed jittraffika ż-żejt tal-ISIS
F’Malta: Kumpanija reġistrata b’vapuri li aktarx qed jittraffikaw iż-żejt
Riċerka li għamel dan is-sit tirriżulta li f’Malta hawn filfatt kumpanija marittima reġistrata, liema kumpanija taqa’ taħt kumpanija Torka, li s-sid tagħha m’hu ħadd ħlief Bilal Erdogan, it-tifel tal-President tat-Turkija Tayyip Erdogan.
Bilal Erdogan kemm-il darba kien akkużat li “qed jiffinanzja” lill-ISIS permezz ta’ attivitajiet irregolari, fosthom l-użu ta’ tankers reġistrati fil-kumpaniji tiegħu, li jittraffikaw iż-żejt mis-Sirja għas-suq Tork.
Ritratt: Ħames tankers taż-żejt li qed ikunu implikati f’dak li jista’ jkun traffikar taż-żejt tal-ISIS mis-Sirja
Fil-perspettiva: Dan kollu fid-dawl tal-akkużi li saru mir-Russja li t-Turkija qed tinnegozja mal-ISIS
Dan kollu fid-dawl tal-akkużi indiretti li saru mir-Russja fil-jiem li għaddew, fejn ir-Russja akkużat lit-Turkija li hi kompliċi fit-traffikar taż-żejt prodott fil-partijiet tas-Sirja li huma kkontrollati mill-ISIS. Akkużi li ġew miċħuda mit-Turkija.
Ir-Russja bdiet tagħmel dawn l-akkużi wara li t-Turkija waqqgħet ajruplan militari Russu, allegatament biex it-Turkija “tipproteġi r-rottot lejn it-Turkija li jservu għall-provissta taż-żejt”. Skont l-akkużi li saru mir-Russja, it-Turkija kienet lesta li saħansitra tipprovoka kriżi internazzjonali biex tiddefendi dawn ir-rotot u n-negozju illegali li qed tagħmel mal-ISIS.
//= $special ?>

