Fl-aħħar sigħat, f’Ruma, saru taħditiet importanti biex il-gruppi rivali tal-Libja jwaqqfu Gvern nazzjonali għall-għaqda. Din il-Konferenza Internazzjonali dwar il-Libja, bħala eżerċizzju, kienet intiża wkoll għat-twaqqif ta’ sistemi konkreti li jtemmu l-kaos li l-Libja ilha suġġetta għalih tul dawn ix-xhur.
Il-Libja, fil-preżent, għandha żewġ gvernijiet, b’wieħed minnhom, li jgawdi għarfien internazzjonali, ikollu s-sede f’Tobruk u meta li l-Gvern rivali, li hu appoġġjat mill-Iżlamiċi, għandu l-bażi tiegħu fi Tripli.
Sadanittant, qed jikber l-inkwiet li t-terroristi tal-ISIS, li biddlu l-belt Libjana ta’ Sirte f’fortizza, qegħdin jiggwadanjaw sew mill-istabbiltà fil-Libja.
Is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry mexxa t-taħditiet ta’ Ruma flimkien mal-Ministru Taljan għall-Affarijiet Barranin, Paolo Gentiloni. Intant, Kerry u l-uffiċjali li taw sehem fit-taħditiet qed jittamaw li jipperswadu l-gruppi rivali tal-Libja biex jimplimentaw pjan li qed ikun sponsorjat min-Nazzjonijiet Uniti.
Preżenti f’Ruma kien hemm anki uffiċjali oħra mill-Punent, flimkien ma’ uffiċjali mill-Afrika ta’ Fuq u l-Lvant Nofsani. Attenda wkoll għat-taħditiet Martin Kobler, li hu r-Rappreżentant tan-NU għal-Libja.
Id-delegati mill-amministrazzjonijiet rivali tal-Libja kienu qablu, nhar il-Ġimgħa, li jiffirmaw ftehim dwar Gvern għall-għaqda proprju nhar l-Erbgħa, is-16 ta’ Diċembru.
Il-qbil sar waqt laqgħa f’Tunis u wara li d-delegati kienu ilhom ix-xhur għaddejjin bit-taħditiet relevanti. Sadanittant, għad mhux ċar kemm dawn l-amministrazzjonijiet, li għandhom is-sostenn minn gruppi tal-milizzji, se jsibu l-appoġġ meħtieġ biex iwaqqfu gvern għall-għaqda.
Fil-preżent, il-Libja hi ddominata minn gruppi tal-milizzji rivali, ħafna minnhom Iżlamiċi, li ma ħadux sehem fin-negozjati.
Min-naħa tagħha, in-Nazzjonijiet Uniti qed taħseb biex il-Libja, fi żmien xahar, ikollha Kunsill Presidenzjali ta’ disa’ membri li jkun qed jiffunzjona flimkien ma’ Parlament għall-għaqda.
It-theddida kbira u reali mill-ISIS għal-Libja xprunat impenji u appoġġ għal ‘soluzzjoni tal-kriżi’ minn barra l-pajjiż. Martin Kobler, fil-fatt, insista bl-importanza li l-komunità internazzjonali tkattar l-appoġġ għall-awtoritajiet Libjani ħalli jkunu jistgħu jieħdu miżuri deċiżivi li jrażżnu u jeliminaw il-periklu imminenti tal-ISIS.
//= $special ?>