Internazzjonali

It-tensjoni bejn ir-Russja u t-Turkija: Inċident ieħor iwassal għal ‘tiri ta’ twissija’

L-awtoritajiet Russi qalu li wieħed mill-vapuri tal-gwerra tagħhom spara tiri ta’ twissija lejn dgħajsa tas-sajd tat-Turkija fil-Baħar Eġew. Huma sostnew li t-tiri kienu sparati ‘bl-iskop li jevitaw ħabta’ bejn dawn l-opri tal-baħar u mhux biex bl-iskop li jinqatlu membri tal-ekwipaġġ.

Stqarrija mill-Ministeru tad-Difiża Russu qalet li d-dgħajsa Torka kienet waslet sa 600 metru ’l bogħod mill-bastiment tal-gwerra, qabel daret lil hinn, b’reazzjoni għall-isparar mir-Russi. Sadanittant, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Russu bagħat għall-attache militari tat-Turkija li hu bbażat f’Moska, b’konnessjoni mal-inċident.

Rapporti minn Moska tennew li l-frejgata ‘Smetlivy’ kienet ankrata ftit bogħod mill-gżira Griega ta’ Lemnos meta lemħet id-dgħajsa tas-sajd miexja fid-direzzjoni tagħha.

Stqarrija mill-Ministeru tad-Difiża Russa qalet li l-ekwipaġġ tal-frejgata pprova diversi drabi biex jiġbed l-attenzjoni tal-ekwipaġġ Tork fuq id-dgħajsa tas-sajd, li baqa’ ma għamilx kuntatt bir-radju u lanqas ma wieġeb għal sensiela ta’ sinjali u l-isparar ta’ flares bħala twissija.

Il-kelliema Russi qalu li l-baħrin Russi, imbagħad, sparaw bl-azzarini fid-direzzjoni tad-dgħajsa Torka biex jevitaw ħabta. L-istess kelliema anki għamluha ċara li l-azzarini ‘ma jkollhomx xi impatt letali’ minn dawk id-distanzi.

Mifhum li, dritt wara l-isparatura, id-dgħajsa Torka biddlet id-direzzjoni u għaddiet xi nofs kilometru qrib is-‘Smetlivy’, mingħajr ma għamlet xi kuntatt mal-ekwipaġġ Russu.

It-Turkija, sadanittant, ma pprovdietx il-verżjoni tagħha tal-inċident.

Fil-preżent teżisti arja ta’ tensjoni kbira bejn ir-Russja u t-Turkija, ġimgħat wara li ajruplani tal-gwerra Torok kienu waqqgħu bomber Russu fl-artijiet tas-Sirja qrib il-fruntiera. L-ajruplan, tat-tip SU-24, twaqqa’ fl-24 ta’ Novembru u t-Turkija qed tgħid li l-bomber kien daħlilha fl-ispazju tal-ajru – waqt li r-Russja tiċħad li dan kien minnu.