Internazzjonali

Eżekuzzjonijiet mill-ISIS fil-Libja

Rapporti mil-Libja indikaw li ġellieda tal-ISIS kienu wettqu eżekuzzjoni pubblika ta’ mara għaliex kienet akkużata li kienet saħħara, u ta’ raġel akkużat li kien spjun.
Fil-każ tal-mara, ir-rapporti qalu li din kienet Marokkina. Din inqatgħetilha rasha barra, fi pjazza f’Sirte. Fl-istess belt, raġel Palestinjan inqatel b’tiri ta’ arma tan-nar għaliex kien akkużat li kien spjun.
Ġellieda tal-ISIS fil-Libja qatgħu wkoll id raġel Libjan li kien akkużat b’serq.

L-ISIS fil-Libja jikkontrollaw 250 kilometru ta’ kosta Libjana

Sadattant, hekk kif il-Ħadd saret konferenza internazzjonali f’Ruma fejn kien deċiż li għandu jingħata l-appoġġ internazzjonali kollu għall-ħolqien ta’ gvern ta’ għaqda nazzjonali fil-Libja, it-tħassib għall-preżenza tal-ISIS fil-Libja jkompli jikber. Fil-konferenza ta’ Ruma ngħatat indikazzjoni li fil-ġejjieni qrib, kienet se tibda tittieħed azzjoni kontra l-ISIS fil-Libja.
Jean-Yves Le Drian, il-Ministru tad-Difiza Franċiż, it-Tnejn qal li l-ISIS minn Sirte kien qed jipprova jinfirex aktar ’il ġewwa fil-Libja. Dan bl-iskop li jipprova jieħu taħt il-kontroll tiegħu l-bjar taż-żejt li hemm.
F’intervista mal-istazzjon tar-radju RTL, Le Drian qal li l-ISIS fil-Libja kienu jikkontrollaw 250 kilometru ta’ kosta u issa l-għan tagħhom kien li jkabbru t-territorju li jikkontrollaw.
Tul il-ġimgħa li għaddiet, ajruplani militari Franċiżi għamlu diversi titjiriet fil-Libja biex jispjunaw fuq fejn jinsabu l-ġellieda tal-ISIS.