L-organizzazzjoni Friends of the Earth Malta kkritikat il-ftehim dwar il-bidla fil-klima, milħuq f’Pariġi fi tmiem il-ġimgħa, u ddeskrivietu bħala ftehim storiku imma mhux tajjeb għan-nies u għall-pjaneta.
Friends of the Earth Malta sostniet li l-ambizzjoni li t-temperatura tad-dinja tiżdied b’inqas minn grad u nofs hi waħda pożittiva imma li l-ftehim milħuq f’Pariġi hu mingħajr pjan biex din il-mira ssir realtà.
Martin Galea De Giovanni, Direttur ta’ Friends of the Earth Malta, qal li jeħtieġ pressjoni mill-poplu biex il-ftehim ma jibqax biss retorika, u li jrid isir ħafna iktar milli sar s’issa biex il-mira ta’ tnaqqis fit-temperatura sseħħ. Saħaq li l-poplu jaf li ma jistax jafda fuq ir-rieda tajba tal-gvernijiet biex id-dinja tiġi salvata u li jekk irid li ssir il-bidla għall-enerġija alternattiva, id-deċiżjonijiet iridu jittieħdu mill-poplu stess.
Jagoda Munic, Chairperson ta’ Friends of the Earth International qalet li minflok jaħdmu b’ambizzjoni u b’urġenza, il-gvernijiet madwar id-dinja qed jaħdmu fl-interess ta’ “lobbies” b’saħħithom u ta’ korporazzjonijiet, imma li l-poplu qed jerġa’ jieħu l-poter f’idejh. Saħqet li l-istorja mhix se tinkiteb fil-bini ta’ ċentri ta’ konvenzjonijiet imma fit-toroq ta’ Pariġi u madwar id-dinja, u li l-moviment li jaħdem għall-ġustizzja dwar il-klima se jkompli jikber matul is-sena l-ġdida u lil hinn.
Friends of the Earth International saħqet li minkejja dak li ngħad s’issa, il-ftehim ta’ Pariġi mhux se jwassal għal riżultati konkreti u li l-politiċi qed jidħqu bil-poplu.
Spjegat li hu inutli li l-pajjiżi jippruvaw jillimitaw iż-żieda fit-temperatura dinjija għal 1.5°C jekk il-pajjiżi sinjuri ma jnaqqsux b’mod drastiku l-emissjonijiet tagħhom u jipprovdu fondi adegwati lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Saħqet ukoll li jekk ma jkunx hemm kumpens għal ħsara irreparabbli, pajjiżi vulnerabbli se jitħallew jiġbru l-biċċiet u jippruvaw iħallsu l-ħsara għal kriżi li ma ħolqux huma. Insistiet li l-finanzjament biex tissewwa l-ħsara jeżisti imma li mhemmx rieda politika.
//= $special ?>

