Lokali

Ftehim kollettiv ġdid għall-impjegati tal-BOV

Il-Bank of Valletta llum ħabbar l-iffirmar ta’ ftehim kollettiv ġdid mal-General Workers Union. Il-ftehim, l-ewwel tax-xorta tiegħu sa minn meta l-GWU kisbet ir-rikonoxximent fil-Bank aktar kmieni din is-sena, ġie ffirmat minn Mario Mallia, Uffiċjal Kap tal-Operazzjonijiet tal-Bank, u minn Charles Galea, Segretarju tat-Taqsima tal-Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal-Unjin. Dan il-Ftehim ikopri l-impjegati klerikali u maniġerjali tal-Bank, u jtawwal ħames snin.

Is-Sur Mallia qal li n-negozjati li wasslu għall-iffirmar kienu iebsin, imma twettqu f’atmosfera ta’ rispett reċiproku u x-xewqa li jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-impjegati tal-BOV. Huwa qal li l-Ftehim huwa innovattiv f’numru ta’ oqsma, mhux l-inqas billi jelimina l-gradi, li huwa ddeskriva bħala anakronistiċi għal fornitur tas-servizzi finanzjarji fil-ġurnata tal-lum. Innovazzjonijiet oħra jinkludu numru ta’ miżuri favur il-familja.

Il-Ftehim il-ġdid, ikkonkluda s-Sur Mallia, huwa bidu opportun għal futur ta’ kooperazzjoni bejn il-BOV u l-GWU.