Ma jippubblikax ir-raġunijiet għaliex għażel ODZ fiż-Żonqor u ma laqax ir-rakkomandazzjoni tal-MEPA
Il-Prim Ministru Muscat iddikjara fil-Parlament li d-dibattitu u l-vot fil-Parlament biex tingħata l-art ODZ fiż-Żonqor lill-Ġordaniżi biex fuqha jibnu kampus ta’ università privata, flimkien mal-għoti ta’ baċir f’Bormla, isir sa għada filgħaxija.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil oġġezzja għal din l-impożizzjoni b’giljottina u l-għaġla tal-Gvern u tal-Prm Ministru li fuq materja kontroversjali u li tqajjem dibattitu f’pajjiżna, liema dibattitu ilu għaddej diversi xhur, il-Parlament jgħaddi kollox b’għaġla.
Dan meta għada hemm skedat ukoll Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet Pubbliċi importanti b’xhud tal-Gvern, liema laqgħa marbuta ma’ irregolaritajiet li saru fix-xiri taż-żejt mill-Enemalta, u li ilha skedata għal aktar minn għaxart ijiem.
Fin-nuqqas ta’ qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni dwar il-ħin u ż-żmien li għandu jieħu d-dibattitu dwar dan it-trasferiment importanti ta’ art ODZ fiż-Żonqor lil kumpanija Ġordaniża, l-Ispeaker issuġġerixxa li ssir laqgħa informali bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-possibbiltà ta’ ftehim biex, kif kien deċiż f’ruling li ta l-Ispeaker fil-bidu tas-seduta tal-lejla, id-dibattitu jsir jew għada jew l-Erbgħa.
Il-Prim Ministru ddikjara li nhar l-Erbgħa se jkun imsiefer fuq xogħol u ma jistax ikun preżenti fil-Parlament, b’Muscat jibqa’ jinsisti li d-dibattitu għandu jibda għada, anke jekk il-Parlament jiltaqa’ qabel fit-3pm, biex sa filgħaxija jintemm id-dibattitu b’vot u bl-approvazzjoni tal-Parlament favur l-għoti tal-art ODZ fiż-Żonqor.
Il-Prim Ministru ma jridx jistenna biex id-dibattitu jibda u jkompli f’Jannar
Għal mistoqsija tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar ir-raġuni ta’ din l-għaġla u jekk id-dibattitu jistax jibda għada u jkompli wara l-waqfa tal-Parlament f’Jannar li ġej, il-Prim Ministru wieġeb li din il-materja ilha tiġi diskussa u l-Gvern irid jgħaddi u jagħlaq dan il-proċess sa għada b’vot.
Kien hemm qbil biex ir-rapporti ta’ verifika li għamlet l-MFSA fuq il-kumpanija Ġordaniża, Sadeen Education Investments Limited, id-due diligence report, jkunu aċċessibbli għall-Oppożizzjoni f’laqgħa li se ssir għada filgħodu skedata għat-8.30am.
L-Oppożizzjoni dwar dan, tat il-kelma tagħha tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni f’dan ir-rapport, bil-Kap tal-Oppożizzjoni jagħmilha ċara li dan iżda ma jfissirx li ma jsirx argument politiku li jista’ jirriżulta mill-informazzjoni, waqt li l-kunfidenzjalità tibqa’ rispettata.
Simon Busuttil saħaq li l-Oppożizzjoni tagħmel il-konklużjonijiet politiċi mingħajr ma tiżvela l-informazzjoni kunfiduenzjali.
L-Oppożizzjoni oġġezzjonat ukoll fil-bidu tas-seduta, li l-Gvern kien sejjaħ laqgħa oħra tal-Kumitat dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika għal-lejla fis-7pm, bl-Oppożizzjoni ma kinitx ikkonsultata dwar il-ħin tal-laqgħa, u l-avviż tal-laqgħa kien biss fil-5.30 tal-lejla.
Il-laqgħa ssejħet mill-Gvern ukoll fl-istess waqt li l-istess membri tal-Oppożizzjoni ta’ dan il-Kumitat dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, kellhom impenn ieħor f’Kumitat Parlamentari li kellu jibda jiltaqa’ fis-6.30pm tal-lejla stess, b’laqgħa li kienet skedata u marbuta mal-iskrutinju tal-kuntratt tal-Gvern ma’ Henley & Partners li qed imexxi l-iskema ta’ bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.
Atteġġjament tal-Gvern mhux aċċettabbli għall-Opppożizzjoni
L-Oppożizzjoni rrimarkat li dan l-atteġġjament mhux aċċettabbli, bil-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius jitlob lill-Ispeaker jipproteġi lill-Oppożizzjoni minn dan l-aġir tal-Gvern.
Sadattant, il-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi mmexxi mid-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech bħala Chairperson, u li kien skedat għas-6.30pm tal-lejla, beda jiltaqa’ aktar tard minħabba d-dibattitu li tqajjem fil-Parlament dwar laqgħat ta’ Kumitati Parlamentari msejħa mill-Gvern fl-istess ħin bl-istess membri li jservu fuqhom.
Id-dibattitu dwar iż-Żonqor jibda għada fis-seduta ta’ figlħaxija sakemm ma jitkellem kull min irid jieħu sehem fid-dibattitu
Matul is-seduta parlamentari tal-lejla, intlaħaq qbil bejn Gvern u Oppożizzjoni biex ir-riżoluzzjoni dwar l-għoti tal-art ODZ fiż-Żonqor tibda’ tiġi diskussa fis-seduta ta’ għada t-Tlieta filgħaxija, bid-dibattitu jibda fis-6.30pm. Id-dibattitu jkompli sa ma jitkellmu l-membri kollha parlamentari li jkunu jridu jieħdu sehem fid-dibattitu, anke jekk jaqbeż nofsillejl.
Laqgħa oħra llejla tal-Kumitat Parlamentari dwar il-ftehim mal-Ġordaniżi
Għall-ħabta tat-8.30pm tal-lejla, bdiet laqgħa oħra tal-Kumitat dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika biex tkompli d-diskussjoni dwar il-kuntratt li l-Gvern se jiffrma ma’ Sadeen Education Investment Limited, li l-Gvern se jgħaddilha l-art fiż-Żonqor qabel ma tingħata l-liċenzja biex tmexxi università f’pajjiżna.
Ma jippubblikax ir-raġunijiet għaliex għażel iż-Żonqor u ma laqax ir-rakkomandazzjoni tal-MEPA
F’din il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari presedut din id-darba mill-Ministru Chris Cardona, il-Gvern ma laqax it-talba tal-Oppożizzjoni li saritlu f’laqgħa oħra aktar kmieni fil-ġurnata, u ma ppreżentax ir-rapport skont il-liġi tal-iSPED – ir-rapport li fih il-Gvern irid jagħti d-deċiżjonijiet li wassluh biex ma jilqax ir-rakkomandazzjoni tal-MEPA favur sit f’Ħal Tarxien u minflok se jagħti l-art ODZ fiż-Żonqor.
L-Oppożizzjoni nsistiet li dan ir-rapport il-Gvern hu obbligat bil-liġi tal-iSPED li jippubblikah, u li fin-nuqqas ta’ dan il-Gvern qiegħed jikser il-liġi.
Il-Gvern ma ħalliex lill-Oppożizzjoni tagħmel mistoqsijiet
Il-Gvern f’din il-laqgħa, ma ħalliex lill-Oppożizzjoni tressaq il-mistoqsijiet tagħh dwar dak li kien qiegħed jiddeċiedi l-Gvern li ma jippubblikax ir-rapport, bl-oppo’izzjoni tikkritika lill-Gvern b’eżerċizzju falz u nieqes għal kollox mit-trasparenza.
Wara din il-laqgħa li ntemmet fi ftit minuti, il-Ministru Chris Cardona rrapporta lill-Ispeaker fi tmiem is-seduta tal-lejla, li l-Gvern għalaq id-diskussjoni dwar ir-riżoluzzjoni li biha l-Gvern se jgħaddi l-art fiż-Żonqor lill-Ġordaniżi biex tinbena università, mingħajr qbil unanimu tal-Kumitat.