Lokali Parlament

Il-Gvern qiegħed jikser il-liġi tal-iSPED bil-bini f’ODŻ fiż-Żonqor

Ministri responsabbli mid-deċiżjonijiet tal-Gvern dwar iż-Żonqor ma kinux preżenti biex iwieġbu għal mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni

L-Oppożizzjoni ddikjarat li l-Gvern qiegħed jikser il-liġi tal-iSPED meta mhux qed jippubblika r-raġunijiet li wasal għalihom fid-deċiżjoni tiegħu li jwarrab sit f’Ħal Tarxien rakkomandat mill-MEPA għall-iżvilupp ta’ università, u minflok jieħu art f’ODŻ fiż-Żonqor.

L-Oppożizzjoni rappreżentata mix-Shadow Ministers Marthese Portelli u Jason Azzopardi, u d-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech, insistiet mal-Gvern li skont l-iSPED li l-Gvern approva fil-Parlament b’liġi, kellu l-obbligu li jippubblika d-deċiżjoni bir-raġunijiet kollha li wassluh biex juża art barrra miz-zona tal-iżvilupp meta kien hemm rakkomandat lilu sit ieħor addattat.

Tfisser li f’każ li l-Gvern ma jimxix mal-liġi tal-iSPED, il-Pjan Strutturali għall-Ambjent u l-Iżvilupp, għandu jippubblika r-raġunijiet li wassluh għad-deċiżjoni tiegħu.

L-Oppożizzjoni ddikjarat dan f’laqgħa oħra tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, li bdiet aktar kmieni llum u li damet aktar minn sagħtejn. Fil-Kumitat Parlamentari l-Gvern qiegħed iressaq għad-diskussjoni l-kuntratt li l-Gvern se jiffirma mal-Ġordaniżi biex tinbena università f’art ODŻ fiż-Żonqor, bil-kampus ukoll ikun estiż għal Baċir Numru 1 f’Bormla.

Marthese

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli saħqet li art ODŻ għandha biss tintuża meta ma jkunx hemm alternattiva oħra u bħala l-aħħar alternattiva. Is-sit f’Ħal Tarxien jissodisfa t-talbiet kollha u l-miri kollha li għamel il-Gvern għall-bini ta’ università mill-barranin – dik li s-sit hu fin-Nofsinhar ta’ Malta, li s-sit hu fl-istess kobor ta’ dak li se jsir fiż-Żonqor; u li se jħalli l-istess impatt ekonomiku.

Matul il-laqgħa tal-Kumitat, l-Oppożizzjoni oġġezzjonat ukoll u kkritikat b’mod qawwi lill-Gvern li Ministri responsabbli mid-deċiżjonijiet tal-Gvern dwar l-iżvilupp fiż-Żonqor biex tinbena università, ma kinux preżenti biex iwieġbu għal mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni.

Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech, li kien qiegħed jippresiedi l-Kumitat Parlamentari, iddikjara li l-Gvern bagħat biex jirrappreżentawh u jwieġbu l-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni lid-Deptati Laburisti Charles Mangion u Godfrey Farrugia, u lill-Ministru tal-Edukazzjoni u Xogħol Evarist Bartolo.

L-Oppożizzjoni saħqet li diversi mistoqsijiet li qed tressaq lill-Gvern b’rabta ma’ dan il-proġett f’art ODŻ, ma jistgħux jitwieġbu mill-membri tal-Gvern fil-Kumitat Parlamentari għaliex il-Ministru responsabbli mill-proġetti infrastrutturali, il-Ministru tal-Finanzi, u s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li huma kollha marbuta mad-deċiżjonijiet li ttieħdu b’rabta maż-Żonqor, mhumiex preżenti waqt il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari biex il-Gvern ikun jista’ jwieġeb għal mistoqsijiet ġusti u loġiċi tal-Oppożizzjoni.

L-Oppożizzjoni rrimarkat ukoll u kkritikat lill-Gvern li kellu jkun preżenti wkoll il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA, Johan Buttigieg, li kien hu li tkellem f’Kumitat Parlamentari ieħor dwar dan il-proġett, bil-Gvern jgħid li jinsab imsiefer, u bl-Oppożizzjoni tisħaq li l-laqgħa setgħet saret meta seta’ kien preżenti s-CEO tal-MEPA.

Charles Mangion - Kumitat

Kontra l-prattika li jkunu l-Ministri tal-Gvern li jwieġbu għad-deċiżjonijiet tal-Kabinett tal-Gvern, din id-darba kien id-Deputat Laburista Charles Mangion li beda jwieġeb il-mistoqsijiet ta’ Marthese Portelli, Jason Azzopardi u Tonio Fenech.

Ix-Shadow Minister Marthese Portelli nsistiet mal-Gvern biex jiddikjara jekk mexiex mal-liġi tal-iSPED u għamel rapport dwar ir-raġunijiet tad-deċiżjoni li ma jimxix mar-rakkomandazzjoni tal-MEPA meta għażel art ODŻ fiż-Żonqor u mhux is-sit f’Ħal Tarxien kif irrakkomandat il-MEPA.

Filwaqt li l-ebda membru tal-Gvern fil-Kumitat Parlamentari ma seta’ jikkwota mir-rapport li l-Gvern kien marbut li jagħmel skont il-liġi tal-iSPED, u jgħid ir-raġunijiet għaliex għażel iż-Żonqor u mhux kif irrakkomandat il-MEPA, l-Oppożizzjoni talbet biex qabel ma l-kuntratt dwar l-għoti tal-art fiż-Żonqor jitressaq għad-dibattitu fil-Kamra tad-Deputati, il-Gvern għandu jippreżeta lill-Kumitat Parlamentari u jippubblika r-rapport kif mitlub mil-liġi. Il-Ministru Bartolo wieġeb biss li rapport sar.

Marthese Portelli kkwotat x’tgħid il-liġi tal-iSPED, u tkellmet dwar ir-rapport li tkellem dwaru c-CEO tal-Mepa f’Awwissu li għadda, u li jevalwa s-siti alternattivi għall-proġett tal-università propost mill-Ġordaniżi. Staqsiet biex il-Gvern jispjega għaliex bilfors iż-Żonqor meta nstab sit alternattiv fin-Nofsinhar ukoll ta’ Malta, bl-istess kobor li hu meħtieġ għal din l-università, u li hu sit f’zona mibnija u mhux ODŻ.

Charles Mangion seta’ jispjega biss li l-Gvern mexa mal-iSPED għaliex mhux se jkun qiegħed juża 90,000 metru kwadru iżda 18,000 metru kwadru ta’ art ODŻ fiż-Żonqor, u se juża l-bini ta’ baċir f’Bormla. Aktar minnn hekk, Charles Mangion qal li ma kellu xejn aktar xi jżid għat-talba ripetuta tal-Oppożizzjoni biex jgħid għaliex bilfors iż-Żonqor u kienu mwarrba s-siti l-oħrajn proposti – sitta b’kollox kollha fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Irrimarkat ukoll li s-CEO tal-MEPA kien iddikjara wkoll li kellu nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-proġett, b’Marthese Portelli titlob lill-Gvern ukoll jispjega dwar x’informazzjoni aktar kellu l-Gvern meta ddeċieda li jiżviluppa l-art ODŻ fiż-Żonqor. Irrimarkat ukoll li dawn huma mistoqsijiet li kellhom jitwieġbu mill-Ministru Leo Brincat u mis-Segretarju Parlamentari Michael Falzon li kellhom ikunu wkoll preżenti għal dan il-Kumitat.

Id-Deputat Charles Mangion ma kienx jaf iwieġeb lanqas dwar min għamel ir-rapport ta’ verifika fuq il-Ġordaniżi, id-due diligence report. Tonio Fenech talab lill-Gvern jiddikjara li mhux se jkun hemm xi garanzija bankarja oħra lill-Ġordaniżi biex ikun jista’ jitwettaq il-bini ta’ din l-università, kif ġara fil-każ tal-konsurzju li qed jibni l-power station bil-Gvern kellu jagħti garanzija bankarja ta’ aktar minn €360 miljun.

Charles Mangion seta’ biss iwieġeb minn dak li hemm miktub fil-kuntratt, li jekk il-proġett ma jitkompliex, il-Gvern għandu dritt li jħoll il-kuntratt u dak kollu li jkun laħaq sar jgħaddi għand il-Gvern.

Kien aktar tard fil-laqgħa, li Charles Mangion qal li hu infurmat li d-due diligence sar mill-MFSA, bl-Oppożizzjoni talbet biex b’mod kunfidenzjali u mingħajr ma tngħata kopja, ikollha aċċess għal dawn ir-rapporti ta’ verifika u dan biex jiġi assigurat lill-poplu li l-kumpanija li se tidħol għal dan il-proġett għandha s-saħħa u s-sostenn finanzjarju meħtieġ għal dan il-proġett.

Qal ukoll lejn tmiem il-laqgħa, li kien infurmat ukoll lis-sit f’Ħal Tarxien se jintuża għal skopijiet ta’ housing.

Tonio Fenech staqsa aktar mistoqsijiet dwar iż-żmien li fih dan il-proġett se jkun qiegħed jitwettaq. Irrimarka li l-pjan kif imħabbar mill-Gvern kellu jkun li jitwettaq fi tliet snin u jimpjega 200 persuna. Fil-pjan kif rivedut, il-miri m’għadhomx aktar ambizzjużi biż-żmien ta’ kostruzzjoni jinfirex fuq 73 xahar.

Charles Mangion wieġeb li l-Gvern qed ikun aktar konservattiv fil-miri tiegħu. Spjega li t-twaqqif ta’ din l-università se jkun qiegħed isir f’diversi fażijiet, u li se tibda tilqa’ l-ewwel studenti u jitlestew l-ewwel żewġ kulleġġi wara 25 xahar.

Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi talab ukoll lill-Gvern jgħaddi wkoll l-audited financial statements tal-kumpanija responsabbli minn dan il-proġett biex tiġi assigurata s-saħħa finanzjarja tal-kumpanija Ġordaniża, Sadeen Investment Limited.

Charles Mangion qal ukoll li m’għandux din l-informazzjoni, bl-Oppożizzjoni tinsisti li hu għalhekk li Ministri tal-Gvern kellhom ikunu preżenti u jwieġbu huma għall-mistoqsijiet.

Id-Deputat Prim Minsitru qal fit-tmien tal-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari, li l-Gvern se jkun qed jagħti tweġiba lill-Oppożizzjoni għat-talbiet tagħha, bil-Gvern jibqa’ jinsisti li għada t-Tlieta filgħaxja, isir id-dibattitu dwar ir-riżoluzzjoni biex il-Gvern jgħaddi l-art ODŻ fiż-Żonqor u l-baċir f’Bormla lill-Ġordaniżi.