Ekonomija

L-Oppożizzjoni mħassba dwar il-problemi li qed jolqtu lill-manifattura

L-Oppożizzjoni uriet it-tħassib tagħha għall-problemi li qed jolqtu lis-settur tal-manifattura, u ħeġġet lill-Gvern biex jikkunsidra li jgħinha.

Il-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament u Shadow Minister għall-Finanzi, Mario de Marco, qal li fl-aħħar sentejn il-valur tal-esportazzjoni naqas, il-paga medja tal-ħaddiema fil-qasam tal-manifattura naqset, u l-kontribut tas-settur tal-manifattura għall-Prodott Gross Domestiku qaleb għan-negattiv.

L-Oppożizzjoni qalet li anke l-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant, f’artiklu ppubblikat fil-ġurnal “The Malta Independent” tal-lum tenna t-tħassib tal-Oppożizzjoni dwar il-problemi li qed jolqtu lis-settur tal-manifattura. Minkejja dan, saħaq il-PN, il-Gvern qed jirrifjuta li jammetti li teżisti problema.

L-Oppożizzjoni qed tħeġġet lill-Gvern biex jieħu s-suġġeriment tal-Kamra tal-Kummerċ, li jbaxxi l-ispejjeż tal-industrija. B’mod speċifiku, l-Oppożizzjoni qed tappella lill-Gvern biex jieħu s-suġġeriment tagħha u ta’ diversi korpi kostitwiti oħra, biex iraħħas iktar il-prezzijiet tal-elettriku speċjalment fi żmien meta l-prezz taż-żejt niżel għal nofs dak li kien fl-aħħar sena.

L-Oppożizzjoni qed tħeġġeġ lill-Gvern ukoll biex iraħħas il-prezz tal-fjuwil li qed inaqqar il-kompetittività ta’ diversi industriji, speċjalment dik tal-manifattura. Appellat ukoll lill-Gvern biex jindirizza dawk il-kwistjonijiet li fl-aħħar sentejn komplew iniżżlu lil Malta ’l isfel fl-indiċi ta’ Kompetittività Globali.

Il-PN fakkar li skont l-aħħar Labour Force Survey hemm 26,000 li jaħdmu fil-qasam tal-manifattura u li jekk il-Gvern ma jibdiex iwettaq pjan ċar t’azzjoni, jipperikola l-paga li dawn jieħdu d-dar magħhom u li dak li ġara fid-De La Rue ma jibqax każ iżolat.

Il-PN qal li min-naħa tiegħu, fid-dokument “Ekonomija għall-Poplu”, ippubblika proposti biex jittrasforma dan il-qasam f’industrija ta’ valur miżjud għoli.