Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi jekk għandiex tintervjeni biex twaqqaf iċ-ċaqlieq tal-monti tal-Belt għan-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Merkanti.
Dan wara mandat ta’ inibizzjoni li ressqet l-Assoċjazzjoni tal-Komunita’ Kummerċjali ta’ Triq il-Merkanti biex twaqqaf lill-Gvern milli jċaqlaq il-monti għan-naħa ta’ fuq tat-triq. In-negozjanti ta’ Triq il-Merkanti qed jgħidu li ċ-ċaqlieq se jagħmillhom ħsara.
Il-Ġimgħa li għaddiet, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-ħwienet ta’ Triq il-Merkanti, Tonio Camilleri, qal li rċivew konferma li mit-Tnejn kellu jiċċaqlaq il-motni għan-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Merkanti, bil-President kien iddikkjara li s-sidien tal-ħwienet kollha huma fuq l-istess paġna, jiġifieri kontra li l-monti kellu jiċċaqlaq iktar ‛il fuq – u li l-monti għandu jibqa’ fejn hu – jiġifieri quddiem is-Suq l-Antik.
Hu kien żied li l-anqas biss kienu ġew konsultati mill-Gvern dwar din id-deċiżjoni.
Fil-Qorti madanakollu, rappreżentanti tal-Ministeru tal-Ekonomija qalu li dwar dan iċ-ċaqlieq, kienet għada ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni.
Iżda ftit wara, fil-Qorti wkoll, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Komunita’ Kummerċjali ta’ Triq il-Merkanti qal li kien iltaqa’ ma’ Jonathan Attard – eks ġurnalista tas-Super One – u llum konsulent fil-Ministeru ta’ Chris Cardona, li kien “għamilha ċara” li ċ-ċaqlieq tal-monti għan-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Merkanti kien se jsir.
Filwaqt li r-rappreżentamti tal-Gvern qalu fil-Qorti li kien għad m’hemmx deċiżjoni dwar iċ-ċaqlieq tal-monti għan-naħa ta’ fuq ta’ Triq il-Merkanti, il-Gvern aktar tard ħareġ stqarrija li fiha qal li qed jissospendi l-konsultazzjoni dwar iċ-ċaqlieq tal-monti sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Qorti.
Dan hekk kif il-Qorti qalet li fil-ġimgħat li ġejjin se tkun qed tiddeċiedi jekk għandiex tintervjeni jew le fiċ-ċaqlieq tal-monti.
//= $special ?>

