Internazzjonali

Merkel tiddefendi l-pożizzjoni rigward l-immigrazzjoni

Waqt il-konferenza annwali tal-Partit Demokristjan Ġermaniż, is-CDU, f’Karlsruhe, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel iddefendiet il-pożizzjoni li adottat rigward l-immigrazzjoni.
Hi qalet li din il-kriżi tal-immigrazzjoni kienet test storiku għall-Ewropa u l-ideali li temmen fihom. Filwaqt li indikat li fil-ġranet li ġejjin kien se jkun qed jitnaqqas l-ammont ta’ immigranti li qed jitħallew jidħlu fil-Ġermanja, hi qalet li l-Ġermanja kienet biss qed twettaq l-obbligu umanitarju tagħha. Hi iżda żiedet li n-numri li qed jitħallew jidħlu kienu se jibdew jitnaqqsu, u li dan se jsir kemm biex ikun protett l-interess nazzjonali Ġermaniż kif ukoll għall-ġid tal-istess immigranti.
Merkel qalet li xi ħaġa li wieħed kien jara biss fuq it-televiżjoni, il-ġlied fis-Sirja u l-Iraq, l-ISIS, il-kaos fil-Libja, issa litteralment kienet fuq l-għatba tal-Ġermanja.
Hi qalet li l-2015 kienet sena inkredibbli għall-isfidi li kien fiha.
Il-ġimgħa li għaddiet, Merkel, li ilha tmexxi lill-Ġermanja għal dawn l-aħħar għaxar snin, kienet onorata bit-titlu ta’ ‘Persuna tas-Sena’ mir-rivista Amerikana ‘Time’.