Bl-iskop li jitwettqu l-bidliet meħtieġa fil-kostituzzjoni ta’ Malta, l-Oppożizzjoni lesta tibda’ diskussjonijiet mal-Gvern; liema diskussjonijiet għandhom jitmexxew u jkunu presduti mill-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca.
Din il-pożizzjoni tal-Oppozizzjoni kienet espressa mill-Kap tal-PN Simon Busuttil fil-programm Reporter meta kien intervistat minn Saviour Balzan.
Fl-intervista, Simon busuttil tkellem dwar id-dokument tal-PN li jipproponi bidliet għall-Governanza aħjar u fiduċja ġdida fil-politika u qal li l-proposti tal-PN għandhom l-iskop li ma jħallux lill-poplu, partikolarment liż-żgħażagħ, li jitilfu l-fiduċja fil-politika b’mod ġenerali.
Dan hu dokument meħtieġ quddiem l-iskandli li qed iwettqu l-Ministru tal-Gvern u quddiem il-mod kif il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jibqa’ sieket, isostni l-Kap tal-Oppożizzjoni. B’kuntrast għal dan kull meta kien jeħtieġ jagixxi, l-Kap tal-Opożizzjoni aġixxa anki mill-Oppozizzjoni.
Simon Busuttil appella lill-Prim Ministru biex jaġixxi quddiem il-korruzzjoni fil-Gvern tiegħu u akkużat li bħala Prim Ministru Joseph Muscat tilef l-awtorita’ morali li jaġixxi.
Il-Kap tal-PN tkellem fid-dettal dwar il-proposti tal-PN fosthom li persuni li jintgħażlu biex imexxu entitajiet ta’ importanza nazzjonali jkunu jeħtieġu terz tal-kamra waqt li persuni magħżula biex imexxi awtoritajiet pubbliċi jkunu jridu jiġu skrutinizzati mill-Parlament.
Jeħtieġ bidla kbira biex il-pajjiż jiġġieled il-problema tal-favoritiżmu. Il-Kap tal-PN jiddikjara li l-iskop li daħal fil-politika huwa biex ibiddilha għall-aħjar.
Simon Busuttil isostni li l-obbligu tal-PN hu li jerġa’ jdaħħal il-fiduċja fil-politika bħala l-aqwa għodda biex ittejjeb l-kwalita’ tal-ħajja tan-nies.
//= $special ?>

