Lokali

FILMAT: Il-Presidenti taż-żewġ Parlamenti tal-Libja f’diskussjonijiet f’Malta; ma jintlaħaqx qbil

Il-Presidenti taż-żewġ Parlamenti rivali tal-Libja li kienu Malta għal taħdidiet, ħabbru li għadhom ma waslux biex jiffirmaw ftehim bil-għan li jkun iffurmat Gvern ta’ għaqda nazzjonali.

Il-Presidenti taż-żewġ Parlamenti, jiġifieri dak ta’ Tobruk u dak ta’ Tripli, waslu Malta t-Tnejn waranofsinhar bid-diskussjonijiet bdew uffiċjalment ftit wara l-5.30 ta’ waranofsinhar.

Id-diskussjonijiet saru f’Kastilja bejn il-President tal-Kungress Ġenerali Nazzjonali fi Tripli Nuri Abdusahmin u l-President tal-Kunsill tad-Deputati f’Tobruk Aguila Saleh Issa. Aktar kmieni huma ntlaqgħu mill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Ir-rappreżentanti taż-żewġ Gvernijiet fil-Libja waslu Kastilja fost sigurta’ stretta minn uffiċjali tas-sigurta’ kemm Maltin kif ukoll Libjani.

Laqgħa simili bejn iż-żewġ Gvernijiet Libjani kellha ssir nhar is-Sibt li għadda, meta mingħajr ma kien tħabbar qabel, sar magħruf li f’Malta kien hawn delegazzjoni mill-Gvern ta’ Tripli. Aktar tard, il-laqgħa kellha tkun ikkanċellata peress li l-Gvern ta’ Tobruk ikkanċella l-parteċipazzjoni tiegħu.

Il-Ħadd imbgħad, uffiċjali għolja miż-żewġ Gvernijiet, iltaqgħu f’Ruma għat-taħdidiet, fejn hemmek kien ġie deċiż li l-ftehim bejn iż-żewġ partijiet għandu jkun iffirmat l-Erbgħa.

Libjani Malta

Dan madanakollu issa mhux se jseħħ hekk kif iż-żewġ Presidenti qalu li jeħtieġu aktar żmien biex jaqblu dwar il-ftehim negozjat s’issa, u li skont huma, ma jirrappreżentax l-aspirazzjonijiet tal-poplu Libjan.

Gruppi ta’ militanti li jappoġġjaw iż-żewġ Gvernijiet, ilhom ingaġġati fi ġlied ghal dawn l-aħħar ħames snin. Dan filwaqt li l-grupp terroristiku ISIS qed ikompli jagħmel avvanzi kbar, hekk kif kien qed jieħu vantaġġ mill-instabbilta’ fil-pajjiż.