Il-proġett tal-MCAST minn Gvern Nazzjonalista hu proġett fin-naħa t’isfel u hu fil-qasam edukattiv
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, saħaq li l-Gvern kellu jersaq quddiem il-Parlament dwar il-proġett mal-Ġordaniżi wara li jkun hemm l-akkreditazzjoni għal din l-istituzzjoni edukattiva li issa ma baqgħetx università.
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal fid-dibattitu dwar l-għoti tal-art lill-Ġordaniżi, li s’issa għadha ma ngħatatx akkreditazzjoni u dak li qed isir fil-Parlament qed ipoġġi pressjoni ovvja fuq il-Kumitat li jrid jiddeċiedi dwar l-akkreditazzjoni.
Mario de Marco qal li dik li qed issir fil-Parlament hi okkażjoni straordinarja fost affarijiet oħra għaliex din hi kwistjoni dwar università li issa hu magħruf li lanqas hi università, kif ukoll għaliex skont il-Prim Ministru din ta’ Sadeen hi l-istess bħalma hu l-Mid-Med Bank għas-settur bankarju, u dak li Microsoft hu għas-settur teknoloġiku.
Mario de Marco qal li dan hu proġett li rridu naraw x’se jakkwista l-pajjiż u x’se jitlef. Filwaqt li wieħed jaf ċar x’se jagħti l-pajjiż, ma jistax ikun jaf minn issa x’se jdaħħal. Dan għandu jsir permezz ta’ studju.
Mario de Marco qal li meta wieħed jikkunsidra l-persuna li qed titlob biex issir evalwazzjoni, m’għandha l-ebda kwalità biex tmexxi università. Dan m’għandu l-ebda kwalifiki jew xi rabta oħra mal-edukazzjoni.
Żvilupattur tal-kostruzzjoni li m’għandu l-ebda esperjenza fil-qasam edukattiv
L-investitur hu żvilupattur tal-kostruzzjoni li m’għandu l-ebda esperjenza fil-qasam edukattiv. Dan ma jagħtix fiduċja lill-proġett.
Din is-suppost università trid li tingħata medda ta’ art għaliex se tagħti lura benefiċċji lill-pajjiż. Fl-ambjent turistiku saru diversi talbiet għal ċerti proġetti. Il-Gvern preċedenti ma mexiex bil-mentalità li l-flus hu kollox u ħa inkunsiderazzjoni anke l-effetti ambjentali qabel dawk ekonomiċi.
Mario de Marco qal li bil-pressjoni tal-pubbliku, il-Gvern naqqas l-ispazju li se jagħti lil Sadeen, iżda l-art li se tingħata mhix biss barra miż-żona ta’ żvilupp iżda anke art protetta. Irrifera għal dak li l-President f’Jum ir-Repubblika qalet li ambjent bla rażan qed ipoġġi l-ambjent f’riskju. Hu sostna li l-President riedet tagħti messaġġ li minkejja li l-proġett se jġib investiment barranin, m’għandux ikun sagrifikat l-ambjent.
Oġġezzjoni dwar il-kredenzjali edukattivi ta’ Sadeen li għadhom mhux magħrufin
Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni mhix kontra li Malta ssir ċentru tal-edukazzjoni fil-Mediterran. L-oġġezzjoni hi dwar il-kredenzjali edukattivi ta’ Sadeen li għadhom mhux magħrufin.
Il-Viċi Kap qal li oġġezzjoni oħra hi dwar il-post fejn qed jingħata biex isir l-iżvilupp. Kieku kien hemm eżerċizzju mingħajr pressjoni min-naħa ta’ fuq, kienu jinstabu postijiet alternattivi.
Mario de Marco qal li l-Prim Ministru assuma r-responsabbiltà tal-proġett. Hu staqsa xi kwalitajiet għandu l-Prim Ministru biex ikun salesman ta’ proġett bħal dan. Hawn tqum il-mistoqsija għaliex il-Prim Ministru żamm taħt idejh l-artijiet. Forsi hawn min ħaseb biex ikun hemm aktar serjetà. Iżda s’issa rajna lill-Gvern iħallas id-djun ta’ Cafè Premier, id-deal tas-Socar, tal-Australia Hall u ta’ Triq Zekka. S’issa ma rajna xejn mill-Prim Ministru li jiggarantixxi l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Mario de Marco qal li l-kritika tal-Oppożizzjoni hi dwar il-kredenzjali edukattivi ta’ min irid jinvesti u l-post fejn il-Gvern irid iċedi. Hu żied li mhux minnu li l-università ta’ Malta tgawdi monopolju. Il-Gvern għamel ukoll il-kunsiderazzjoni dwar l-iżvilupp fin-naħa t’isfel ta’ Malta.
Mario de Marco qal li altru milli din in-naħa ta’ Malta ġiet trattat bħala landa taż-żibel kif qal il-Prim Ministru. Il-proġett tal-MCAST hu proġett fin-naħa t’isfel u hu fil-qasam tal-edukattiv. Hemm ukoll ir-riġenerazzjoni tal-Kottonera li għaliha l-Gvern preċedenti ġab fondi mill-UE.
Mario de Marco qal li hu tad-daħq li f’Malta ssir distinzjoni bejn in-naħa ta’ fuq u n-naħa t’isfel tal-pajjiż. Min jibqa’ jagħmel din id-distinzjoni jkun qed jinsulenta l-intelliġenza tal-poplu.
//= $special ?>