Il-Front Ħarsien ODZ qed jopponi bil-qawwa kollha għal dawk li sejjaħ bħala “manuvri” sabiex l-art taż-Żonqor tinbiegħ lil Sadeen Group.
Fi stqarrija l-Front qal li l-Gvern qed ibiegħ lil Malta fi proċess li għaddej b’għaġla, mingħajr trasparenza, u mingħajr ma jikkunsidra l-alternattiva li issemmiet mill-MEPA. Minflok, qed jibqa’ għaddej bil-bejgħ taż-Żonqor bħal bulldozer.
Il-Front sostna li l-Gvern qed jinjora wkoll lill-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent, iżda mhux biss. “Il-Gvern qed jinjora lill-għaqdiet ambjentali, lill-Oppożizzjoni, lin-nies fi ħdan il-Partit Laburista stess, u lis-soċjeta’ ċivili.”
Apparti dan kollu, il-Gvern qed imur kontra l-liġi tal-iSPED sabiex l-art tingħata lin-negozjanti Ġordanizi, f’dak li l-Front sejjaħlu bħala “big business”.
Il-Front Ħarsien ODZ insista li dan taż-Żonqor huwa eżempju ċar ta’ gvernar ħażin. L-istqarrija tgħid li l-Front se jibqa’ jopponi dan il-bini fuq art verġni, u se jsegwi mill-qrib il-proċess ladarba jasal quddiem il-MEPA għall-iskrutinju.
“Min jivvota favur il-bejgħ tal-art fiż-Żonqor lill-Ġordaniżi, ma jistax jitqies bħala politiku bi kredenzjali ambjentali”, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>

