Lokali

Il-President ta’ Malta għandha tmexxi r-riforma fil-kostituzzjoni – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li peress li jrid ikun hemm qbil ta’ żewġ terzi għar-riforma kostituzzjonali, għandha tkun il-President ta’ Malta li tqarreb iż-żewġ naħat lejn xulxin.

Dawn il-kummenti għamilhom fi tmiem żjara lill-uffiċċju tal-Ombudsman l-għada li ppropona li l-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca għandha tmexxi d-diskussjonijiet dwar l-emendi fil-kostituzzjoni.

Simon Busuttil qal li l-President tirrappreżenta lill-oplu kollu, kif filfatt tagħmel anke’ l-Kostituzzjoni, u  għalhekk għandha tkun hi li tmexxi diskussjonijiet ‘il fuq mill-partiġġjaniżmu.

Fid-dawl ta’ dan Simon Busuttil mill-ġdid wiegħed l-appoġġ u l-kooperazzjoni tal-Oppożizzjoni biex id-diskussjonijiet ikunu suċċess.

Iż-żjara tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fl-Uffiċċju tal-Ombudsman hi l-ewwel żjara li qatt għamel Kap tal-Oppożizzjoni lill-Ombudsman fl-20 sena li ilha mwaqqfa din l-entita’ indipendenti u awtonoma.

Matul il-laqgħa il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ppreżenta d-dokument tal-Partit Nazzjonalista dwar Governanza aħjar, proprju fl-uffiċċju tal-entita li tħares dan. Id-dokument tal-PN jipproponi bidliet għall-Governanza aħjar u fiduċja ġdida fil-politika.

Il-Kap tal-PN fakkar li l-Ombudsman preżenti, Joseph Said Pullicino, qed iqarreb tmiem it-terminu tiegħu u filwaqt li fakkar li ħatra tal-Ombudsman trid qbil bejn żewġ terzi tal-Kamra, sostna li għandu jiġi suġġerit persuna li kapaċi jogħla ‘l fuq mill-partiġġjaniżmu.