Internazzjonali

Interess globali fil-premiere ta’ ‘Star Wars: The Force Awakens’

Il-premiere dinji tal-aħħar film fis-sensiela ‘Star Wars’ sar fil-belt ta’ Los Angeles, fl-Istati Uniti, u żgur li ma ddiżappuntax lill-folol tad-dilettanti li kienu ilhom xhur jistennew dan il-mument.

Ħafna dilettanti damu jiem ikkampjati barra t-TCL Chinese Theatre biex jaraw il-film ġdid ‘The Force Awakens’ u kellhom l-opportunità jaraw lill-atturi prinċipali u l-idoli tagħhom fuq it-tapit l-aħmar, fl-inħawi tal-Hollywood Boulevard, fejn l-entużjażmu laħaq il-qofol tiegħu.

Attendew għall-okkażjoni l-istilel tas-sensiela oriġinali fosthom l-atturi veterani Harrison Ford (li qed jirritorna fil-parti ta’ ‘Han Solo’), Mark Hamill u Carrie Fisher. Spikkaw ukoll l-atturi li qed jiddebuttaw fi ‘Star Wars’, bħal John Boyega u Daisy Ridley.

Intant, kien hemm sigurtà intensiva għall-avveniment li kien fost l-aktar elaborati li qatt saru f’Hollywood u li kien jinvolvi bil-wisq aktar tħejjijiet mis-serata tal-Oscars.

Dan meta l-kumpanija tal-films Disney tellgħet tinda enormi li kopriet erba’ blokok ta’ bini tal-Hollywood Boulevard, bl-iskop li tinżamm is-segretezza barra s-swali taċ-ċinema rispettivi tat-TCL; id-Dolby u l-El Capitan. Filwaqt li l-preżenza tal-pulizija kienet kbira, spikkaw ukoll numru ta’ metal detectors u klieb tal-pulizija fl-inħawi.

Il-film ‘Star Wars: The Force Awakens’ probabbilment hu l-aktar film mistenni għal dawn l-aħħar snin u l-livell ta’ interess li ġġenera madwar id-dinja jixhed il-popolarità tal-istorja bbażata fuq il-fantaxjenza u li kienet introdotta fuq l-iscreens taċ-ċinema lejn l-aħħar tas-snin sebgħin.

Sadanittant, l-istorja ta’ ‘The Force Awakens’ inżammet sigrieta, tant li ġie impost embargo fuq is-sezzjonijiet tal-istampa li jagħmlu r-rivisti tal-films u li jibqa’ effettiv sa għada. Madankollu, numru ta’ kritiċi bagħtu xorta xi kummenti qosra fuq Twitter bħala messaġġi ta’ tifħir dwar il-produzzjoni.

Hu fatt interessanti li t-TCL Chinese Theatre (qabel magħruf bħala Grauman’s Chinese Theatre) kien wera l-ewwel film ta’ ‘Star Wars’ fl-1977.