Ingħalqu l-iskejjel ta’ Los Angeles waqt li l-pulizija qed tinvestiga theddida li ma kenitx speċifikata. L-awtoritajiet ta’ din il-belt Amerikana qegħdin jieħdu l-prekawzjonijiet kollha fiċ-ċirkostanzi, bl-istudenti jintbagħtu d-dar u bix-xarabanks tal-iskejjel jirritornaw fid-depots.
Hemm, intant, indikazzjonijiet li t-theddida kellha x’taqsam mat-tip tar-rucksacks li jġorru l-istudenti. Sadanittant, uffiċjali fi New York qalu li kienu rċevew l-istess theddida iżda kienu qed iqisuha bħala ‘finta’.
Id-distrett ta’ Los Angeles inkwadrat fiz-‘zona tat-theddida’ hu t-tieni l-akbar fl-Istati Uniti, meta mas-640,000 student jattendu l-lezzjonijiet f’xi 900 skola tal-inħawi. Fil-preżent, il-pulizija qed tfittex fl-iskejjel kollha, li kellhom jinżammu magħluqin sal-ħin tal-konferma, mill-awtoritajiet, li t-theddida ma kenitx aktar valida.
It-theddida twasslet b’email u rreferiet għas-‘sigurtà fl-iskejjel’. Dan meta l-awtoritajiet jinsabu fuq allert sostanzjali wara l-qtil, jiem ilu, ta’ 14 il-persuna taħt idejn koppja ( mara u raġel) radikalizzati f’San Bernardino, lejn il-Lvant ta’ Los Angeles.
//= $special ?>