Internazzjonali

Jiċħdu li teżisti ‘l-ferrovija tad-deheb’ tan-Nażi

Esperti fil-Polonja qed jgħidu li m’hemm l-ebda prova li nstabet ferrovija mill-era tan-Nażisti li jingħad li fiha kwantità ta’ deheb u ħaġar prezzjuż.

Ir-riċerkaturi li ppreżentaw l-istudji dwar l-allegata skoperta fil-belt Pollakka ta’ Walbrzych qalu ‘li tista’ teżisti xi mina fl-inħawi iżda l-ebda ferrovija ta’ din ix-xorta’. Dan wara xhur ta’ spekulazzjoni li ‘l-ferrovija tad-deheb’, fl-1945, spiċċat moħbija taħt l-art, fil-limiti ta’ Wroclaw, waqt li l-qawwiet Sovjetiċi kienu qed javviċinaw iz-zona.

Hu minnu li n-Nażisti kienu bnew network ta’ mini qrib Walbrzych waqt it-Tieni Gwerra Dinjija u aktar kmieni din is-sena, raġel Pollakk li jismu Piotr Koper u Ġermaniż li jismu Andreas Richter, qalu lill-awtoritajiet li kienu jafu fejn tinsab ‘il-ferrovija tad-deheb’. Huma qalu wkoll, permezz tal-avukati, li riedu għaxra fil-mija mill-valur ta’ kull ħaġa li setgħet tinstab fil-ferrovija inkwistjoni.

Iżda l-Professur Janusz Madej, mill-Akkademja tal-Minjieri ta’ Krakovja, issa qal li ma nstabux traċċi ta’ ferrovija wara stħarriġ ġeoloġiku fis-sit.

Għal żmien twil kien hemm għajdut li ferrovija armata, fl-aħħar ġimgħat tat-Tieni Gwerra, kienet qed twassal kunsinna deheb mill-inħawi ta’ Wroclaw. Intant, il-Pollakk Piotr Koper qed ikompli jiddubita l-metodi tal-istħarriġ u għadu jsostni t-twemmin li din il-ferrovija qiegħda hemm tassew.