Internazzjonali

Kerry jipprova jnaqqas id-differenzi mar-Russja dwar is-Sirja

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan John Kerry u t-Tmexxija tar-Russja, illum, iddiskutew mezzi li jnaqqsu d-differenzi kbar bejniethom fl-impenn lejn it-tmiem tal-konflitt fis-Sirja.

Kerry kellu laqgħat, f’Moska, mal-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin Sergei Lavrov, u qal li ż-żewġ pajjiżi qegħdin jittamaw li jsibu art komuni li jgħinhom jilħqu t-tragward. Hu, imbagħad, kompla bit-taħditiet waqt laqgħa mal-President tar-Russja Vladimir Putin. Kerry sostna ma’ Putin li ż-żewġ potenzi (l-Istati Uniti u r-Russja) ‘għandhom il-potenzjal biex jagħmlu differenza sinifikanti’ f’din is-sitwazzjoni.

L-Istati Uniti u r-Russja qed jippruvaw jaslu fi qbil dwar il-gruppi li jridu jkunu involuti fit-taħditiet ippjanati għall-paċi fis-Sirja. Iżda r-Russja u l-Istati Uniti ma jaqblux dwar ir-rwol tal-President Sirjan Bashar al-Assad fi kwalunkwe tranżizzjoni – bl-Amerikani jridu r-riżenja ta’ Assad u bir-Russja trid li d-destin tiegħu ikun deċiż mis-Sirjani.

Ir-Russja, fil-preżent, qed tmexxi offensiva mill-ajru fis-Sirja u qalet qed timmira biss għal terroristi fl-artijiet Sirjani, b’mod partikolari l-militanti tal-ISIS. Madankollu, attivisti fiz-zona qalu li l-qawwiet Russi laqtu fil-parti kbira lill-gruppi tar-ribelli fis-Sirja li qed jingħataw appoġġ mill-Punent.

Is-Segretarju tal-Istat Kerry qal li l-Istati Uniti u r-Russja t-tnejn jaqblu li l-ISIS hu theddida għal kull pajjiż tad-dinja. Kerry fisser lill-ISIS bħala l-agħar tip ta’ terroristi u qal li l-pajjiżi ċivilizzati m’għandhomx għażla ħlief li jissieħbu flimkien f’impenn komuni li jwassal għall-qerda tal-entità terroristika.

Filwaqt li ma jistenniex li jirrisolvi d-diżgwid profond mar-Russja dwar is-Sirja, Kerry qed jittama li jsib biżżejjed fatturi komuni ‘biex l-ispinta tkompli’. Hu jaf bl-importanza li r-Russi jibqgħu parti mill-proċess għaliex huma jistgħu jressqu lil Assad mal-mejda tan-negozjati.