Lokali Parlament

L-għoti tal-art ODZ fiż-Żonqor simbolu ta’ dak li hemm ħażin fil-Gvern – Simon Busuttil

L-Oppożizzjoni se tivvota kontra fuq l-oġġezzjoni ambjentali, l-oġġezzjoni ta’ natura edukattiva u fuq il-kwistjoni ta’ tmexxija ħażina ta’ dan il-Gvern

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iddikjara fil-Parlament li l-Oppożizzjoni fil-Parlament se tkun qed issemma l-vuċi qawwija tan-nies u tas-soċjetà li tkellmet kontra l-iżvilupp ta’ zona ODZ fiż-Żonqor u se tivvta kontra fuq tliet oġġezzjonijiet primarji – l-oġġezzjoni ambjentali, oġġezzjoni ta’ natura edukattiva u fuq il-kwistjoni ta’ tmexxija ħażina ta’ dan il-Gvern.

Simon Busuttil saħaq fil-Parlament meta l-Gvern ressaq mozzjoni biex jgħaddi l-art ODŻ fiż-Żonqor, li din il-mozzjoni hi simbolu ta’ dak li hemm ħażin fil-Gvern preżenti għaliex iġġib flimkien elementi li l-Oppożizzjoni tikkritika kontinwament lill-Gvern fuqhom – l-idea li kollox għall bejgħ u li kulħadd jista’ jinxtara.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li dan mhux il-mod ta’ governanza tajba u kif nieħdu ħsieb l-ambjent f’pajjiżna. Mozzjoni li tissimbolizza dak li hu ħażin f’dan il-Gvern għaliex l-oqsma kollha ta’ dgħjufija ta’ dan il-Gvern, huma miġbura f’din il-mozzjoni kollha flimkien.

Spjega li f’dan id-dibattitu, l-Oppożizzjoni qed tagħti vuċi lin-nes li barra l-Parlament qed joġġezzjonaw għal mod kif qed jiggvenra l-Gvern.

Ftehim li sar fil-magħluq
Dan hu Gvern li issa qed jeħodha kontra kull min qiegħed jeħodha kontrih. Filwaqt li l-Gvern għandu l-maġġoranza biex jgħaddi dak li jrid, in-nies qed jagħmlu l-ġudizzju dwar dak li qed jiġri u bil-mod kif qed jiġri.

Ikkritika li dan hu ftehim li sar fil-magħluq, bil-Prim Ministru jiftaħar li ftiehem f’minuta biex jgħaddi 90,000 metru kwadru kif kien se jagħmel meta ħabbar il-proġett. Ftehim bla sejħa pubblika. Proġett li fih l-art qed tingħata lil entità la hi università u lanqas hi Amerikana, u se tinbena fuq il-kampanja Maltija. Fil-fehma tal-Oppożizzjoni, dan il-proġet ma jagħmilx sens u maħdum b’ħadma.

Simon Busuttil qal li l-ewwel oġġezzjoni hi dwar l-isfreġju ambjentali. Appella lill-Prim Ministru biex ikun hemm qbil ħalli ma tkomplix tittiekel l-art verġni. Anke jekk naqqas l-ispazju li kien se jieħu, il-Gvern xorta se jagħti 18,000 metru kwadru ta’ art ODZ.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li liġi li għadu kemm għadda l-Gvern tgħid li m’għandhiex tingħata art ODZ, iżda xorta waħda qed iwebbes rasu u jagħti art ODZ minkejja li għandu alternattivi oħra. Kienet il-MEPA stess li qalet li hemm alternattiva f’Ħal Tarxien. “Forsi l-art fiż-Żonqor hi orħos?” staqsa Simon Busuttil.


Għaliex sar importanti li l-università ssir quddiem il-baħar?

Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa wkoll għaliex sar importanti li l-università ssir quddiem il-baħar. Staqsa għaliex ma tteħditx art diġà żviluppata jew diġà kommessa kif sar fil-każ ta’ Smart City. B’dak li qed jagħmel, il-Gvern qed jikser il-liġi li għamel hu stess. Mhix skuża aċċettabbli li fl-imgħoddi saru żbalji. L-iżbalji m’għandhomx jiġu ripetuti.

Simon Busuttil qal li t-tieni oġġezzjoni hi dwar l-edukazzjoni. L-Oppożizzjoni taqbel li tattira investiment fl-edukazzjoni. Iżda dan m’għandux isir kif qed isir f’dan il-każ. Il-livell edukattivi għandhom jiżdiedu mhux jitniżżlu ‘l isfel.

Spjega wkoll kif il-Gvern naqqas in-numru ta’ korsijiet li jistgħu jingħataw biex tissejjaħ università. Aktar minn hekk qed jgħid li anke jekk ikunu inqas jista’ jagħti liċenzja jekk hu fl-interess nazzjonali.

Liċenzja lil min m’għandux esperjenza
Simon Busuttil qal li r-reputazzjoni li għandu pajjiżna se taqla’ daqqa ta’ ħarta. Staqsa x’esperjenza għandu l-investitur fil-qasam edukattiv. Jidher li ma sar l-ebda due diligence dwar il-qasam edukattiv. Il-Gvern se jagħti liċenzja lil min m’għandux esperjenza.

Simon Busuttil qal li oġġezzjoni oħra hi li se tingħata art lil min għadu lanqas ħa l-liċenzja. X’se jiġri jekk il-Kummissjoni ma tagħtix il-liċenzja? Qed isir kollox bil-maqlub billi tingħata l-art anke jekk għad m’hemmx liċenzja. “Jew il-Kummissjoni diġà hu magħruf li se tagħti l-liċenzja skont l-ordnijiet li għandu?” Dan kollu qed ipoġġi pressjoni fuq il-Kummissjoni minkejja li ċ-Chairman jgħid li hu indipendenti.

Sadeen applika għal higher education institution u mhux għal università

Simon Busuttil qal li l-Ministru issa żvela li Sadeen applika għal higher education institution. Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa għaliex tħalliet tirreklama li hi università. Bil-liġi dawn ma jistgħux jirreklamaw li huma università meta mhumiex hekk.

Ikkritika wkoll li l-Gvern qed ibigħ anke liċenzja dwar l-edukazzjoni. Kollox sar għall-bejgħ. Kollox farsa, sa mill-applikazzjoni billi tingħata art qabel ikun aċċertat li hemm liċenzja.

Simon Busuttil qal li anke l-Oppożizzjoni trid li jkun hawn investiment fl-edukazzjoni iżda ma’għandux isir bil-mod ta’ ingann kif qed isir f’dan il-każ. Hi ħrafa li l-Gvern jgħid li jrid ineħħi l-monopolju tal-università ta’ Malta għaliex din ma tgawdi mill-ebda monopolju.

Simon Busuttil qal li t-tielet oġġezzjoni hi dwar il-mod kif qed jitmexxa dan il-proġett bil-ħabi, b’nuqqas ta’ kompetizzjoni billi tingħata proprjetà pubblika lil min irid il-Gvern.

Kollox hu għax-xiri u kollox hu għall-bejgħ taħt dan il-Gvern
Hemm ukoll spekulazzjoni involut f’dan il-proġett u dan iqanqal dubji dwar korruzzjoni u ħmieġ għaliex sar kollu b’nuqqas ta’ trasparenza u nuqqas ta’ serjetà. Il-mod kif il-Gvern qed jagħmel l-affarijet qed iqajjem ħafna suspetti.

Ikkritika l-mentalità li tispikka f’dak li qed naraw illum, li l-flus huma l-alla ta’ dan il-Gvern u li kollox hu għax-xiri u kollox hu għall-bejgħ taħt dan il-Gvern.

Tant hu hekk, qal Simon Busuttil, li s-Sindku ta’ Marsascala jiftaħar u jgħid li hu favur l-iżvilupp fiż-Żonqor għaliex se jibnilu kunsill ġdid – ammissjoni fil-pubblikuu li l-appoġġ tiegħu qiegħed jinxtara u jiftaħar bil-mentalità miskina.

Għall-Oppożizzjoni l-edukazzjoni ma tinxtarax. L-ambjent hu sabiħ u ma jinxtarax. L-etika fil-politika hi xi ħaġa tajba u ma tinxtarax.

Saħaq li l-poplu jrid politika nadifa, onesta u ġenwina, u qed jokrob għal min f’ismu jħares l-indafa fil-politika mhux il-ħmieġ, u li jħares l-ambjent u jerġa’ jibni l-fiduċja fil-politika.

Rigress mhux progress
Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li l-kuntratt juri rigress mhux progress fuq l-ambjent, fl-edukazzjoni u fl-istil ta’ tmexxija ta’ pajjiżna.

Kuntratt bla sens u ħażin. Kuntratt li juri li sejrin lura fl-ambjent, fl-edukazzjoni u fl-indafa politika għax ma jistax ikollna kollox u kollox jinbiegħ u jixtara. Kuntratt li jbaxxi l-livell tal-edukazzjoni u nnaqqsu l-art verġni u naturali f’pajjiżna.
Simon Busuttil saħaq li l-Oppożizzjoni trid turi li kapaċi tagħti lill-poplu li f’pajjiżna l-affarijiet jistgħu jsiru differenti.