Fost l-entitajiet tal-Gvern li dwarhom irrimarka l-Awditur Ġenerali, fir-Rapport ta’ Verifika Annwali tal-Finanzi Pubbliċi, kien hemm il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST), li kellu ħlasijiet lill-impjegati li ma kinux awtorizzati, mhux koperti b’evidenza jew mhux korretti.
L-MCST kellu nuqqasijiet oħra wkoll fil-mod kif jinżammu l-attendenzi u s-sistema tal-inventarju.
L-Awditur Ġenerali kkritika wkoll il-fatt li l-Kontrollur Finanzjaru tal-MCST, impjegat mill-14 ta’ Jannar tal-2014 fuq bażi ta’ fiduċja personali, sa Diċembru tħallas €6,709 iktar mill-kuntratt li kellu ffirmat u li l-MCST ħallas il-kontijiet kollha tat-telefon ċellulari tiegħu meta ma kellux iħallashom il-Kunsill.
L-Awditur Ġenerali kkritika wkoll il-fatt li l-MCST ma żammx sistema ta’ attendenza, u għalhekk wera tħassib għall-ħlas ta’ ħaddiema meta ma jistax jiġi vverifikat jekk dawn fil-fatt marrux għax-xogħol jew le. Irrimarka wkoll dwar żbalji fis-sistemi tal-pagi tal-ħaddiema, fil-ħlas ta’ maniġer part-time li tħallas għal iktar mid-doppju tas-sigħat awtorizzati, u fil-ħlas ta’ iktar minn €20,000 f’sahra li €16,000 minnhom ingħataw lil ħames ħaddiema biss.
L-Awditur Ġenerali ġibed l-attenzjoni wkoll għall-għoti ta’ kumpens ta’ kważi €2,500 għall-fjuwil għal uffiċjal għoli tal-MCST meta dan diġà qed igawdi minn pakkett finanzjarju għall-karozza b’valur ta’ €4,193 u li sitt safriet barra minn Malta ma kellhom ebda approvazzjoni uffiċjali.
Irrefera wkoll għall-użu tal-karozza tal-uffiċċju, li anke f’dan il-każ ma nżamm ebda logbook aġġornat u għalhekk il-kważi €2,000 li ntefqu fi fjuwil ma setgħux jiġu verifikati. Ikkritika wkoll il-fatt li l-vettura ma kellhiex pjanċi tal-Gvern u lanqas kellha miktub fuqha li hi karozza tal-Gvern, u li fi tmiem il-ġimgħa kienet tinżamm minn uffiċjal tal-MCST li kien jeħodha d-dar. Ikkritika wkoll il-proċedura li l-istess uffiċjal kien jagħti l-fjuwil minn butu imma mbagħad kien jitlob kumpens tal-flus imħallsa, u saħaq li fin-nuqqas ta’ logbook aġġornat, il-flus pubbliċi mogħtija ma setgħux jiġu verifikati.
Ir-rapport saħaq ukoll li l-MCST ma kellu ebda baġit korporattiv għall-programm ta’ riċerka u innovazzjoni għall-2014, li fisser dħul ta’ €1.3 miljun u kważi daqstant ieħor ħruġ. Irrimarka wkoll li ma kienx hemm l-irċevuti fiskali li jkopru kull spiża li tħallset u kien hemm nuqqasijiet ukoll fejn tidħol il-Protezzjoni tad-“data” waqt li l-Accounts awditjati u r-rapporti annwali ġew sottomessi ferm iktar tard milli tistipola l-liġi.
L-Awditur Ġenerali kkummenta b’mod negattiv ukoll għall-fatt li l-MCST m’għandu ebda sistema ta’ filing ċentrali, għandu l-inventarji li mhumiex aġġornati u bil-konsengwenza li oġġetti li jidhru fl-inventarju ma jinsabux fil-bini tal-kunsill. Sar ukoll xiri mingħajr l-approvazzjoni tal-uffiċjali responsabbli.
Wara dan kollu, l-Awditur Ġenerali rrakkomanda ferm iktar kontrolli fi ħdan l-MCST, li jridu jiddaħħlu b’mod immedjat, u biex il-kunsill jimxi mar-regoli finanzjari tal-Gvern fejn jidħlu l-fondi pubbliċi.
Fi stqarrija, l-MCST qal li jilqa’ l-opportunità li tah l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, biex jidentifika dawk l-aspetti li jista’ jtejjeb fil-ħidma tiegħu. Qal li l-uffiċċju jfittex li jkollu prattiċi tajba, ġusti u trasparenti fl-attivitajiet tiegħu. Spjega li hu ta’ sodisfazzjon għall-Kunsill li r-riskji potenzjali msemmija mill-Awditur Ġenerali bdew jiġu indirizzati matul din is-sena.
//= $special ?>

