Lokali Parlament

Landa taż-żibel hu min ma jonorax il-wegħdiet li jagħmel

In-naħa t’isfel issa qed isir landa taż-żibel u stennew issa t-tankijiet tal-gass u r-race track tal-karrozzi

Id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia rribattiet bil-qawwi l-argument tal-Prim Ministru Muscat li n-naħa t’isfel ta’ Malta hu landa taż-żibel, u saħqet li landa taż-żibel hu min ma jonorax il-wegħdiet li jagħmel.

Fid-dibattitu dwar l-għoti ta’ art fiż-Żonqor lill-Ġordaniżi, Marlene Farrugia qalet fil-Parlament li hi ta’ sfortuna li dan l-ewwel investiment kbir fl-edukazzjoni ġie mmaniġġjat b’mod li mhux eżemplari għal dawk l-istudenti potenzjali li se jkunu qed jgħixu fih.
Fissret li kieku ridna nagħtu eżempju bħala pajjiż, konna nagħmlu pjan ħolisitku dwar x’tip ta’ investiment irridu, toħroġ sejħa pubblika biex jintagħżel l-aħjar fost dawk interessati.

Il-Gvern baqa’ jwebbes rasu u jinsisti li jeqred 18,000 metru kwadru taż-Żonqor
Argumentat li kieku ma tkellimx il-poplu u l-mexxejja ċivili, kieku llum lil Sadeen Group qed nagħtuh 90,000 metru kwadru. Iżda fissret ukoll li minflok qagħad għall-pariri tal-esperti li ssuġġerew alternattivi, il-Gvern baqa’ jwebbes rasu u għadu jinsisti li jeqred 18,000 metru kwadru taż-Żonqor.

Marlene Farrugia qalet li hi emmnet li biex il-fortizzi jistgħu jiġu utilizzati, minħabba t-toroq xorta kienet se tittieħed art ODZ. Esperti li tkellmet magħhom qalulha li dan jista’ jkun evitat.

In-naħa t’isfel hu mifqugħa mill-isfruttament li l-Gvern preżenti qed ikompli bl-agħar eżempju
Marlene Farrugia wieġbet għar-rimarka li saret li n-naħa t’isfel hu landa taż-żibel. Hi qalet li n-naħa t’isfel hu mifqugħa mill-isfruttament li l-Gvern preżenti qed ikompli bl-agħar eżempju.

Hi qalet li biex il-Gvern ikun edukatur fil-Mediterran u fid-dinja, qed jagħti lill-istudenti prospettivi l-agħar eżempju. Se jibni fakultà tax-xjenza fuq art verġni u qed jagħti messaġġ li għalina l-art u l-ispazju mhux problema.

Marlene Farrugia qalet li tweġġa’ meta tisma’ lill-Prim Ministru jgħid li qabel hekk kien isir. Hi kienet tgħid lill-votanti li l-Partit Laburista kien se jkun miftuħ u trasparenti.

Irrimarkat ukoll li issa smajna li anke l-isptarijeit jistgħu jibnu mingħajr il-ħtieġa li japplikaw għall-permessi. Hi qalet li permezz tal-eċċezzjonijiet li saru fl-iSPED, jistgħu jintużaw l-oqsma tal-edukazzjoni u tas-saħħa biex ikun hemm proġetti li jispiċċaw biex ikunu mezzi li jiġu evitati kontrolli meħtieġa.

Marlene Farrugia qalet li proġetti ta’ dan it-tip jistgħu jħallu benefiċċji fuq iż-żoni fejn isiru. Iżda dana m’għandux isir billi dak il-benefiċċju jkun ta’ detriment għal dak li se jintilef. Fissret li dan il-proġett se jkun qed jieħu minn idejn il-poplu ta’ Wied il-Għajn l-aktar spazju miftuħ li fadallu.

Marlene Farrugia qalet li dan il-proġett se jingħata bl-Uffiċċju tal-Prim Ministru jagħmel in-negozjati. Dan irrenda liċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ippjanar bla saħħa għaliex kollox jiddependi mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

L-investituri Maltin ġew injorati
Id-Deputat indipendenti qalet li l-investituri Maltin ġew injorati u ċerta li bl-istess kundizzjonijiet kienu jidħlu huma wkoll biex jinvestu. Hi sejħet bħala ħmerija r-rata ta’ ħlas li qed tintalab mingħand il-Ġordaniżi. Mhux magħruf min se jagħmel ir-restawr tal-bini fil-baċir numru wieħed. Filwaqt li Sadeen se jonfoq fil-bini fiż-Żonqor, se jkun il-poplu Malti li jħallas għall-infrastruttura meħtieġa. Se jagħtik lira u jeħodlok għaxra. In-naħa t’isfel issa qed isir landa taż-żibel. Stennew it-tankijiet tal-gass u r-race track tal-karrozzi, sostniet Marlene Farrugia.

Hi qalet li Wied Fulija reġa’ qed jaqbad u minflok qed isir sforz biex jerġa’ jingħata s-sbuħija, u se jinkesa bil-pannelli fotovoltajċi. Ikkritikat li fin-Nofsinhar ma sar xejn. Kull ma sar hu li l-Freeport qed jingħata permess biex jikber il-periklu bil-krejnijiet jinvadu l-ispazju tal-ajru.

Il-poplu mhux mazzun u mhux se jaċċetta r-raġuni li hekk kien isir qabel

Marlene Farrugia qalet li mhux minnu li fin-Nofsinhar ma sar xejn min-Nazzjonalisti. Żiedet li t-tibdil mill-proposta oriġinali taż-Żonqor sar minħabba l-pressjoni li saret.

Marlene Farrugia qalet li m’għandux jittieħed mingħand il-ħafna biex jingħata lil ftit. Hi qalet li l-poplu mhux mazzun u mhux se jaċċetta r-raġuni li hekk kien isir qabel.