Il-Maġistrat Joe Mifsud, f’sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati, saħaq li l-Pulizija u uffiċjali pubbliċi għandhom ikunu protetti waqt li jkunu qed jagħmlu d-dmirijiet tagħhom u ħadd mhu skużat, tkun xi tkun ir-raġuni, li jhedded jew iweġġa’ uffiċjal tal-Pulizija.
Hu u jimmulta imputat reċidiv bl-ammont massimu ta’ iktar minn €1,100, li nstab ħati li nġurja jew hedded tliet uffiċjali tal-Pulizija f’Tas-Sliema f’Lulju tal-2012, il-Maġistrat insista li għandu jkun hemm “Tolleranza Żero” għal dan it-tip ta’ atteġġjament li għandu jiġi ċċensurat.
Waqt l-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat saħaq li l-ordni tal-Pulizija għandha tkun obduta mill-ewwel u għandu jintwera rispett lejn kull uffiċjal, f’kull ħin. Innota li fis-soċjetà qed ikun iktar okkażjonijiet fejn persuna ma jobdux l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, jattakkawhom fiżikament u f’xi okkażjonijiet, iweġġgħuhom b’mod gravi.
Insista li l-Pulizija qiegħda hemm biex tipproteġi liċ-ċittadin u m’għandhiex titqiegħed f’sitwazzjoni li tibża’ teżerċita d-dritt tagħha li tikkoreġi lil individwi li ma jimxux mal-liġi. Fl-istess ħin, qal li l-Qorti tinkoraġġixxi lill-membri tal-Pulizija biex jintervjenu kull fejn ikun hemm nuqqas biex tiżdied l-armonija fil-pajjiż.
Fl-għoti tas-sentenza, il-Maġistrat irrimarka wkoll dwar id-dewmien li ħa l-każ biex instema’ quddiem il-Qorti. Fakkar li l-każ beda f’Lulju tal-2012 u li sadanittant il-liġi saret anke iktar ħarxa għal dan it-tip ta’ reat.
Il-Maġistrat Joe Mifsud tenna dak li ntqal f’sentenzi oħra tal-Qorti tal-Appell Kriminali u tal-Qorti Kostituzzjonali, u rrimarka li l-każ mexa bis-sulluzzu u reġa’ nbeda aktar minn darba wara korrezzjonijiet, mitluba mill-Avukat Ġenerali, fl-akkużi.
Ikkritika lill-Prosekuzzjoni, inkluż b’dilettantiżmu” tant li qal li dan il-każ mhux eżempju għal kif din għandha timxi f’xogħolha, kif toħroġ l-akkużi u kif tikkordina mal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Insista li l-Pulizija setgħet kienet iktar prudenti f’xogħolha u tuża iktar il-kelma t-tajba u ma tħallix każ jiskala kif skala.
//= $special ?>
