Rapport tal-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, dwar il-European Asylum Support Office (EASO) li hu bbażat f’Malta, għadda b’mod qawwi mill-Parlament Ewropew b’505 voti favur, 49 vot kontra u 14-il astensjoni.
Roberta Metsola nħatret bħala r-Rapporteur tal-Parlament Ewropew għal erba’ rapporti differenti dwar l-EASO u r-rwol tagħha ma’ ċerti pajjiżi tal-UE. Il-vot tal-lum kien jittratta s-sehem tal-Iżvizzera fl-attivitajiet tal-EASO u se jgħin biex jifformalizza l-kollaborazzjoni tal-pajjiż għall-programmi tal-UE dwar rilokazzjoni ta’ immigranti.
EASO fetaħ l-uffiċċju tiegħu f’Malta fl-2011 bil-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni prattika f’ħidma dwar l-ażil u biex jgħin lill-pajjiżi tal-UE jilħqu l-obbligi tagħhom dwar l-ażil fil-kuntest Ewropew u internazzjonali. Tgħin b’mod partikolari lil dawk il-pajjiżi li għandhom is-sistemi tagħhom ta’ lqugħ u ta’ ażil li huma taħt pressjoni partikolari.
L-MEP Nazzjonalista ħeġġet lill-Ewroparlamentari l-oħra biex jagħtu l-appoġġ tagħhom għar-rakkomandazzjoni tagħha, li l-Iżvizzera titħalla tagħti iktar sehem hekk kif spjegat li r-rapport se jwassal ukoll għal żieda fl-esperjenza u fil-kapaċità ta’ ġbir ta’ informazzjoni għall-EASO stess u se jsaħħaħ il-mod kif l-Ewropa twieġeb għall-kriżi tar-refuġjati.
Wara l-votazzjoni fil-Parlament Ewropew, Roberta Metsola qalet li kienet kuntenta ħafna bil-vot li juri li dwar suġġetti hekk, Ewroparlamentari fil-fatt jappoġġjaw inizjattivi ta’ membri oħra minn partiti oħra.
//= $special ?>