Fis-seduta parlamentari tal-lejla, il-Gvern ta’ Muscat għal darb’oħra se jkun qiegħed jimponi b’giljottina dibattitu ieħor li fih irid jibda u jispiċċa fl-istess seduta d-diskussjoni li tintemm b’vot biex tingħadda lill-Ġordaniżi l-art ODZ fiż-Żonqor.
Id-dibattitu dwar l-għoti tal-art lill-Ġordaniżi mistenni jibda llejla għall-ħabta tas-6.30pm, u jibqa’ għaddej sa tard matul illejl biex ikun jista’ jintervjeni kull min irid jitkellem dwar dan l-għoti ta’ art li qajjem kontroversja u protesti f’pajjiżna fl-aħħar xhur.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, fil-Parlament ilbieraħ oġġezzjona mal-Prm Ministru għall-għaġla u l-giljottina li qed jimponi l-Gvern biex malajr u fl-anqas żmien possibbli, japprova l-art ODZ fiż-Żonqor lill-Ġordaniżi.
Il-Prim Ministru Muscat insista b’impożizzjoni u b’giljottina, li d-dibattitu jrid isir sal-lum u jintemm ukoll b’vot. Dan meta kien biss fl-aħħar jiem li l-Gvern sejjaħ u laqqa’ wkoll b’urġenza u fi ftit sigħat, il-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju tal-Verifika.
F’dan il-Kumitat Parlamentari li tlaqqa’ lejn tmiem il-ġimgħa li għaddet, il-Gvern ippreżenta l-kuntratt li permezz tiegħu se jkun qiegħed jgħaddi lill-Ġordaniżi l-art ODZ fiż-Żonqor mifruxa fuq mhedda ta’ 31,000 metru kwadru, kollha barra miz-zona tal-iżvilupp f’waħda mill-isbaħ zoni tal-kosta u li hi art naturali li kienet ippjanat li fiha jsir park naturali. Il-Gvern se jkun qiegħed jgħaddi wkoll is-sit ta’ Baċir Numru 1 f’Bormla lill-Ġordaniżi.
Il-Prim Ministru Muscat ma laqax il-proposta tal-Oppożizzjoni biex fuq materja li tant ħolqot kontroversji fuq livell nazzjonali u li saħansitra wasslet għal protesti kemm fiż-Żonqor kif ukoll fil-Belt Valletta aktar kmieni din is-sena, id-dibattitu jibda llum u jkompli wara li l-Parlament jerġa’ jibda jiltaqa’ wara l-waqfa għall-vaganzi. Il-Prim Ministru ddikjara biss li d-dibattitu jrid jibda u jispiċċa llum it-Tlieta.
Numru konsiderevoli ta’ deputati tal-Oppożizzjoni mistennija jitkellmu dwar dan l-iżvilupp f’art barra miz-zona tal-iżvilupp fiż-Żonqor. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil mistenni jkun fost l-ewwel kelliema tal-Oppożizzjoni, bid-dibattitu, jiftaħ u jagħlaq mill-Gvern.
L-indikazzjonijiet s’issa juru li huma ftit il-kelliema tal-Gvern li se jkunu qed jitkellmu dwar dan l-iżvilupp fiż-Żonqor.
Dan hu eżempju ieħor tal-mod kif qiegħed jiggverna l-Gvern u x-xogħol b’għaġla li qiegħed iressaq għall-approvazzjoni tal-Parlament materji sensittivi, bħalma hu fis-settur tal-ambjent.
Il-Gvern ukoll kien għadda b’għaġla l-liġi tal-iSPED, li bl-għoti tal-art ODZ fiż-Żonqor, il-Gevrn qiegħed jikser l-istess liġi li għaddha u approva hu. Kien għaġġel ukoll biex f’maratoni ta’ seduti approva l-liġijiet ambejntali li bihom l-Gvern qiegħed iżarma l-MEPA u minflok iwaqqaf żewġ awtoritajiet.
//= $special ?>