Lokali

Simon Busuttil jappella lill-GWU biex tkun ħielsa dejjem

Il-General Workers Union għandha tkun union li titkellem dejjem b’mod awtonomu u ħielsa minn kull influwenza biex it-trejdunjoniżmu f’pajjiżna jkun verament rappreżentanza tad-drittijiet tal-ħaddiema. Kien dan il-messaġġ li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel waqt l-ewwel żjara ta’ Josef Bugeja mindu laħaq Segretarju Ġenerali tal-GWU.

Matul il-laqgħa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil qal li l-Partit li jmexxi jippreferi li l-GWU titkellem dejjem b’mod awtonomu, kuntrarju għal dak li ġara f’każi bħall-privatizzazzjoni tal-Enemalta u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, li wkoll se jiġi pprivatizzat minn wara dahar il-poplu. Qal li l-Partit Nazzjonalista hu konxju li l-GWU hi forza enormi fil-pajjiż, filwaqt li wera x-xewqa li din għandha tintuża għal ġieħ il-ħaddiema.

Simon Busuttil kompla li fid-dawl ta’ dan, jemmen li r-relazzjoni bejn il-Partit Nazzjonalista u l-GWU għandha tkun waħda tajba u għalhekk il-ħatra ta’ Bugeja tista’ sservi wkoll bħala opportunità ġdida. Ma’ dan il-punt qabel ukoll Josef Bugeja, li esprima x-xewqa li jaħdem mas-sħab kollha ħalli dawn jaħdmu flimkien u jsaħħu l-ħidma tagħhom għal soċjetà aħjar.

Filwaqt li tkellem dwar problemi li ra f’pajjiżna s’issa, kemm ilu jiltaqa’ mal-oqsma differenti f’pajjiżna bħala Segretarju Ġenerali, Bugeja kkwota lill-President Emeritus, eks Prim Ministru u eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Eddie Fenech Adami, li minn dejjem saħaq li l-importanti mhux il-ħolqien tal-impjiegi iżda impjiegi aħjar biex ikollna xogħolijiet tajbin f’setturi differenti.