Lokali Qorti

Aġġornata: Galea jeħel sitt snin priġunerija… huwa nstab ħati tal-qtil volontarju ta’ “il-Bona”

Allan Galea li nstab ħati ta’ qtil volontarju t’Anthony Borg “il-Bona” ġie mgħoti 6 snin priġunerija. Is-sentenza ingħatat għall-habta tat-20,15 ta’ filgħaxija mill-Imħallef Antonio Mizzi wara li iktar kmieni, il-ġurati ħarġu bil-verdett tagħhom wara madwar sitt sigħat ta’ deliberazzjoni.
 
Aktar kmieni …

Allan Galea nstab ħati ta’ qtil volontarju ta’ Anthony Borg, magħruf bħala “il-Bona”, b’vot mill-ġurati ta’ sitt voti favur u tlieta kontra. Madankollu, il-ġurati qalu li d-delitt hu skużabbli minħabba difiża personali eċċessiva.

Dan jista’ jwassal għal piena anqas minn ta’ qtil volontarju, bil-piena massima tista’ tkun ta’ 12-il sena. L-Imħallef Antonio Mizzi mistenni jagħti s-sentenza fis-sigħat li ġejjin.

Il-ġuri ta’ Allan Galea, akkużat bil-qtil ta’ Anthony Borg magħruf bħala “il-Bona”, qed joqrob lejn tmiemu hekk kif il-ġurati daħlu jiddeliberaw sabiex jaslu għal verdett.

Huma ntbagħtu jiddeliberaw wara li iktar kmieni dalgħodu, l-Imħallef Antonio Mizzi temm l-indirizz tiegħu. Allan Galea ta’ 36 sena jinsab akkużat li qatel lill-Bona fi Frar tal-2010 f’Marsaxlokk. Id-Difiża qed targumenta li Galea kien qed jaġixxi biex jiddefendi lilu nnifsu.

L-Avukati Lara Lanfranco u Kristina Debattista mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxew il-prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Giannella de Marco, Joe Giglio u Stephen Tonna Lowell qed jidhru għal Galea.