Futbol Sport

Barcelona jimmiraw għal post fil-finali

Għada fil-11:30am ħin lokali Barcelona se jilagħbu fis-semifinali tat-Tazza tad-Dinja tal-klabbs kontra l-klabb Ċiniż ta’ Guangzhou Evergrande Taobao. Barcelona se jkunu qed jippruvaw jirbħu dan it-titlu għat-tielet darba. L-aħħar li għamlu dan kien fl-2011 meta kienu għelbu lil Santos, eksklabb tal-attakkant tagħhom Neymar.

Barcelona kisbu d-dritt li jilagħbu f’dan it-turnament wara li f’Ġunju li għadda għelbu lil Juventus fil-finali taċ-Champions League. Filwaqt li Barcelona kisbu kwalifikazzjoni awtomatika biex jilagħbu f’din is-semifinali, Guangzhou kellhom jeliminaw lit-tim Messikan ta’ Club America bi skor ta’ 2-1 biex waslu s’hawn u issa għandhom biċċa xogħol iebsa biex jirbħu kontra t-tim li fl-istaġun li għadda ddomina bil-kbir u rebaħ it-‘Treble’. Guangzhou, li huma taħt it-tmexxija tal-ekskowċ nazzjonali tal-Brażil Luiz Felipe Scolari ilhom ma jitilfu 28 partita.

Minkejja l-qawwa tagħhom, Scolari jemmen li għandu tim tajjeb biżżejjed li kapaċi jelimina lill-Katalani.

“Logħba futbol hi 90 minuta u kollox jista’ jseħħ matulhom. Fil-partita li għaddiet wettaqna rimonta kbira kontra tim diffiċli. Mhux impossibbli li nirbħu kontra Barcelona,” qal Scolari.

Illum Barcelona se jkollhom jgħaddu mingħajr l-attakkant Neymar li weġġa’ l-groin. Minkejja li d-distakk bejn Barcelona u Guangzhou hu wieħed notevoli, żgur li l-esperjenza ta’ dan il-plejer se tinħass, speċjalment meta wieħed iqis li Neymar, dan l-istaġun, minn 18-il logħba skurja 16-il gowl.
Fi tmiem il-ġimgħa Barcelona ma tantx kellhom wirja tajba meta ġew miżmuma fi draw ta’ 2-2 f’darhom kontra Deportivo La Coruna. Huma kienu 2-0 minn fuq sakemm sofrew żewġ gowls fl-aħħar biex issa qed jaqsmu l-ewwel post f’La Liga flimkien ma’ Atletico Madrid.

Intant, il-kowċ ta’ Barcelona Luis Enrique qal li ladarba jiskadilu l-kuntratt ma’ Barcelona jieħu sena mistrieħ.

Aktar fin-Nazzjon t’għada.