Il-Gvern kellu jressaq il-pakkett ta’ investiment għall-attenzjoni ta’ istituzzjonijiet internazzjonali edukattivi magħrufa
Il-Gvern ma kellux kredenzjali u ebda bażi b’saħħitha biex jinnegozja biss ma’ investitur Ġordaniż fuq l-iżvilupp ta’ art f’ODZ fiż-Żonqor meta offra mill-ewwel 90,000 metru kwadru.
Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech spjega fil-Parlament fid-dibattitu dwar l-għoti taż-Żonqor lil kuntrattur Ġordaniż, li kieku ressaqna internazzjonalment dan il-pakkett ta’ investiment għall-attenzjoni ta’ istituzzjonijiet edukattivi magħrufa, stajna ġbidna interess aħjar minn sempliċiment ta’ kuntrattur.
Tonio Fenech qal li żgur li mhux investitur li miegħu l-Gvern kellu bażi serja u b’saħħitha biex jiddiskuti miegħu biss. Mhux il-każ li allaħares ma kellniex dan l-investitur. Staqsa għaliex il-Gvern Malti mar f’dan it-triq li jitkellem miegħu biss fuq dan il-proġett. Gvern li offra 90,000 metru kwadru ta’ art għal dan il-proġett fiż-Żonqor.
Dibattitu fil-Parlament għall-formalità u b’nuqqas ta’ rispett lejn l-Oppożizzjoni
Tonio Fenech ikkritika lill-Gvern li għamel id-dibattitu fil-Parlament aktar għall-formalità milli biex jagħmel eżerċizzju serju u biex iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni. Sejjaħ is-seduti b’għaġla u msejħa mill-Gvern f’qasir żmien fil-Kumitat Palamentari, bħala nuqqas ta’ rispett lejn l-Oppożizzjoni.
Tkellem dwar l-iskrutinju tad-due diligence li sar fuq l-investitur Ġordaniż u li għamel f’isem l-Oppożizzjoni. Tonio Fenech fisser li l-Oppożizzjoni tirrispeta l-kunfidenzjalità ta’ dan ir-rapport.
L-Oppożizzjoni mhix qegħda tattakka lill-investitur iżda qed tistaqsi għaliex il-Gvern għamel proċess u mhux ieħor; u għaliex dan l-investitur li l-ewwel ntqal li se jibni università u issa se jkun qiegħed iwaqqaf biss istituzzjoni edukattivi għolja.
Minn dak li rriżulta mill-evalwazzjoni, l-Oppożizzjoni kienet tistenna r-raġunijiet u l-kriterji għaliex il-Gvern qiegħed jiftiehem ma’ dan l-investitur. Dwar dan m’hemm xejn, iżda sar magħruf biss li l-investitur hu magħruf li hu sinjur, kuntrattur, għandu lukanda żgħira b’90 sodda, u għandu investiment f’dik li hi skola internazzjonali li hi sekondarja.
Tonio Fenech qal li żgur li mhux investitur li miegħu l-Gvern kellu bażi serja u b’saħħitha biex jiddiskuti miegħu biss. Mhux il-każ li allaħares ma kellniex dan l-investitur. Staqsa għaliex il-Gvern Malti mar f’dan it-triq li jitkellem miegħu biss fuq dan il-proġett. Gvern li offra 90,000 metru kwadru ta’ art għal dan il-proġett fiż-Żonqor.
L-investitur m’għandux il-kredenzjali għolja biex tinnegozja miegħu biss, u dan hu l-punt prinċipali li fuqu l-Oppożizzjoni qed tistaqsi – għaliex il-Gvern għażel din it-triq li jinnegozja meta seta’ kien hemm proċess li seta’ kien aħjar. Ikkritika l-urġenza li bih resaq il-Gvern biex jiddibatti din ir-riżoluzzjoni għall-għoti tal-art fiż-Żonqor u appella lill-Prim Ministru jevalwa kemm dan l-investiment hu fl-interess tal-pajjiż.
Dibattitu fi żmien limitat qabel ma jieqaf il-Parlament għall-Milied
Staqsa x’inhi l-għaġla fil-Parlament li bilfors irid jgħaddi l-art biex l-investitur imur japplika għand il-MEPA, meta dan biddlu biex jista’ jsir f’liġijiet li għadda l-istess Gvern riċentement, bil-Gvern jibqa’ jgħaġġel u l-Oppożizzjoni tibqa’ tistaqsi għalfejn u x’inhi din l-għaġla.
Ikkritika wkoll kif il-Gvern ressaq dan id-dibattitu fi żmien limitat ta’ ftit ġranet li kellu l-Parlament qabel ma jieqaf għall-vaganzi. Irrimarka li l-Gvern ilu jaf li ried u jirrombla minn fuq l-Oppożizzjoni fuq dan l-għoti ta’ art, u kien għalhekk li ħalla għall-aħħar jiem qabel il-Milied.
Saħaq li l-MEPA għamlet ir-rakkomandazzjoni tagħha, u quddiem il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar il-mod kif il-Gvern warrab ir-rakkomadazzjoni favur sit f’Ħal Tarxien, il-Gvern qal lill-Oppożizzjoni biex tagħlaq ħalqha, bil-Gvern ċert li l-MEPA se tapprova dak li jrid il-Gvern.
Staqsa mill-ġdid għaliex l-insistenza kollha fuq l-art ODZ fiż-Żonqor meta l-MEPA rrakkomandat sit u zona f’Ħal Tarxien, bil-Gvern baqa’ ma jippreżentax l-opinjoni tal-Gvern li għażel iż-Żonqor u mhux is-sit rakkomandat f’Ħal Tarxien.
Appella lill-Gvern jikkunsidra dak li qed jagħmel. L-Oppożizjzoni tieħu gost tara investiment anke f’setturi li mhux tradizzjonali bħalma hu fl-edukazzjoni, iżda trid tara investiment serju u mhux taparsi għaliex l-akbar tħassib hu fil-kwalità u l-istandards edukattivi li jridu jiġu rispettati.
//= $special ?>