Lokali

Filmat: L-imsejħa “Universita Amerikana” m’għadhiex “Universita”

L-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni mill-iżviluppatur Ġordaniż għall-bini fiż-Żonqor kienet oriġinarjament bħala Università, iżda mbagħad l-applikazzjoni għall-hekk imsejħa ‘American University of Malta’ kienet mibdula minn Università għal Istitut ta’ Edukazzjoni Ogħla.

Dan kien ikkonfermat miċ-Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla Martin Scicluna meta kien mistoqsi minn NETnews ftit sigħat wara s-sessjoni maratona fil-Parlament li matulha, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo ssorprenda lil kulħadd meta ddikjara li wara kollox, l-applikazzjoni ma kinitx għal Università, iżda għal Istitut ta’ Edukazzjoni Ogħla.

Martin Scicluna qal li din il-bidla fl-applikazzjoni għall-akkreditazzjoni saret madwar xahar ilu. Mistoqsi għaliex saret din il-bidla, Scicluna wieġeb li l-iżviluppaturi fehmu li din il-bidla se tiffaċilita’ l-proċess u li dan hu pass ‘il quddiem biex xi darba, l-Istitut isir akkreditat bħala Università.

Sa minn meta tħabbar il-proġett, f’ċerimonja b’ħafna pompa mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’Mejju li għadda, dan il-proġett kien qed jinbiegħ lill-pubbliku bħala Università li skont Muscat kellha ttemm dak li sejjaħ bħala “monopolju” fil-qasam tal-edukazzjoni terzjarja.

Madankollu, issa sar magħruf li l-proġett li se jieħu ammont sostanzjali ta’ art verġni fiż-Żonqor mhux se jkun Università iżda Istitut ta’ Edukazzjoni Ogħla. Minkejja li l-bidla saret madwar xahar ilu, il-Gvern għoġbu jżommha mistura sa ftit sigħat qabel il-vot biex l-art tiġi trasferita lill-Ġordaniżi. Sal-ġimgħa li għaddiet stess, il-Prim Ministru Muscat kien qed jirreferi għal proċess ta’ akkreditazzjoni għall-Università.