Art fiż-Żonqor li qed tingħadda mill-Gvern lil individwu wieħed
Id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech fisser fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu meta kompla għaddej id-dibattitu biex il-Gvern jgħaddi l-art ODZ fiż-Żonqor lill-Ġordaniżi, li l-Gvern għandu l-maġġoranza li jista’ jgħaddi li jrid fil-Parlament iżda ma jistax ibiddel il-verità.
Francis Zammit Dimech sejjaħ dan id-dibattitu kif qed jagħmlu l-Gvern fil-Parlament, fost ħafna wkoll interruzzjonijiet minn membri tal-Gvern waqt li kien qiegħed jitkellem fid-dibattitu, bħala teatru tal-assurd.
Irrefera għal kuntratti li kienu saru f’leġislaturi oħra li fihom mal-mozzjoni kienu diġà saru l-permessi preliminari ħalli l-Kamra tkun ippreżentata bid-dokumentazzjoni meħtieġa biex issir diskussjoni serja.
Trasferiment ta’ art meta m’hemmx il-liċenzja li issa mhix se tkun ta’ università
Ma jagħmilx sens l-argument li qed iressqu l-kelliema tal-Gvern li l-Parlament japprova t-trasferiment tal-art meta la hemm il-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar u lanqas l-akkreditazzjoni għal-liċenzja tal-università.
Francis Zammit Dimech qal li qed isir trasferiment ta’ art biex, kif spjega l-Gvern, ikun attirat investiment barrani. Kieku veru ried dan, ma kienx jaqbad u jiftiehem mal-ewwel li jiġi quddiemu iżda kien jagħmel sejħa internazzjonali. Qed jingħad ukoll li dan sar għaliex l-investitur irid jistabbilixxi università Amerikana. Dan meta l-investitur m’għandu ebda rabta jew esperjenza ma’ xi universitá u wisq inqas Amerikana.
Fil-kuntratt jingħad li b’dan qed titwaqqaf università Amerikana meta issa hu stabbilit li l-akkreditazzjoni lanqas mhi dik ta’ università. Ingħatat l-impressjoni li din l-università kien se jkollha xi rabta mal-Università De Paul. Fil-fatt dan ġie miċħud mill-istess università Amerikana. L-unika rabta hi li tipprovdi kurrikulu.
Francis Zammit Dimech qal li jekk il-Gvern veru ried investiment ta’ università Amerikana kien jipprova jattira direttament università stabbilita.
Kumpanija Ġordaniża b’sehem ta’ persuna bil-maġġoranza tal-ishma u persuna oħra b’sehem wieħed
Il-konċessjoni mhix biss qed tingħata għal 99 sena, għaliex hemm rabta li Sadeen jingħata d-dritt tal-għażla biex iġedded.
Francis Zammit Dimech qal li l-kumpanija li tissemma fil-kuntratt mhi kumpanija xejn, iżda hi b’sehem ta’ persuna bil-maġġoranza tal-ishma u persuna oħra b’sehem wieħed. Dawn jokkupaw il-karigi kollha tal-kumpanija kemm bħala diretturi, bħala rappreżentanti legali u Segretarju Eżekuttiv.
Francis Zammit Dimech staqsa x’wassal biex il-Gvern ikkonvinċa ruħu li dan l-individwu għandu l-kwalifiki kollha biex jattwa proġett bħal dan.
//= $special ?>