Fil-Parlament il-Gvern ressaq biss il-kuntratt dwar it-trasferiment tal-art lill-investitur Ġordaniż
Il-Gvern għadu qed jaħbi l-heads of agreement – il-ftehim li sar bejn il-Gvern u Sadeen dwar il-proġett – għaliex dak li ressaq fil-Parlament hu biss il-kuntratt dwar it-trasferiment tal-art li l-Gvern qed jgħaddi lil Sadeen li parti minnha hi art verġni fiż-Żonqor li għalkemm tnaqqset minn dik proposta oriġinarjament, għadu mhux ċar għaliex il-Gvern irid jgħaddi lil Sadeen din l-art bilfors u bil-veduta tal-baħar.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, Marthese Portelli qalet li issa hu magħruf li minbarra li mhux università, din l-istituzzjoni lanqas hi Amerikana u minflok Amercian university issa għandna American pie.
Oriġinarjament il-Prim Ministru Muscat offra 90,000 metru kwadru kollha kemm hi fiż-Żonqor. Kontra dan qamet Malta kollha u minbarra lista twila ta’ għaqdiet u istituzzjonijiet oħra saħansitra twaqqaf grupp għall-Ħarsien tal-ODZ. Dak iż-żmien il-Gvern kien jagħmel l-argument li jew kollox fiż-Żonqor jew xejn, u min kien jitkellem kontra l-proġett kif propost kien jgħid li hu kontra l-investiment barrani f’pajjiżna.
Il-Gvern m’offriex siti alternattivi lill-Ġordaniżi
Saħqet li l-Gvern tant ried li jimxi bil-pjani oriġinali, li skont l-avukat ta’ Sadeen stess, il-Gvern lanqas biss offra alternattiva għall-kunsiderazzjoni. Wara l-protesti li saru, kif ukoll bl-akbar protesta li qatt saret favur l-ambjent, il-Gvern ried jagħti l-impressjoni li se jerġa’ jaħsibha.
Marthese Portelli qalet li l-Gvern qabbad lill-MEPA biex tagħtih parir dwar siti alternattivi, iżda hu stess mar kontra dak li pproponiet il-MEPA. Mar ukoll kontra l-Awtorità tal-Ippjanar li approva hu stess.
Fil-Parlament, kompliet Marthese Portelli, flimkien ma’ Ryan Callus u Marlene Farrugia sabu attakki qawwija kontrihom meta pproponew emendi biex il-Gvern jimxi ma’ dak li qal li jemmen fih. Illum fil-Parlament, il-Gvern qed juri l-vera ħsibijiet tiegħu.
Marthese Portelli qalet li r-rakkomandazzjoni tal-MEPA ma tinkludix il-parti taż-Żonqor kif stabbilita fil-kuntratt, iżda titkellem biss dwar il-pixxina taż-Żonqor. Il-Gvern għażel li jieħu l-pixxina u parti akbar filwaqt li jinjora siti oħra alternattivi proposti.
Marthese Portelli qalet li r-rapport tal-MEPA jistabbilixxi li filwaqt li l-parti tal-pixxina m’għandhiex valur ekoloġiku, il-partijiet l-oħra ta’ madwar fiż-Żonqor kellhom valur ekoloġiku u ambjentali għoli.
Ix-Shadow Minister għall-Ambjent, Enerġija u Trasport, qalet li fir-rapport tal-MEPA jissemma wkoll is-sit ta’ Ħal Tarxien li jissodisfa r-rekwiżiti kollha li għamel il-Gvern.
Il-MEPA għamlitha ċara li dan is-sit hu tajjeb biex fih isir il-proġett tal-università. Dan is-sit ukoll joffri l-ispazju miftuħ li l-Ministru Leo Brincat qal li hu meħtieġ għal din l-universitá. Is-sit hu kbir daqs dak li se jkun qed jingħata fiż-Żonqor.
Ebda raġuni mill-Gvern għaliex skarta s-sit rakkomandat mill-MEPA f’Ħal Tarxien
Marthese Portelli qalet li meta fil-Parlament staqsiet għaliex qed jiġi skartat is-sit ta’ Ħal Tarxien, il-Gvern ma ta l-ebda raġuni. Dan l-aħħar ingħad li għal dan is-sit hemm proġett ieħor maħsub. Hi temmen li din l-iskuża nibtet issa biex Sadeen ikun aġevolat li jingħata ż-Żonqor.
Fissret li waqt li kienet qed jitħejja r-rapport tal-MEPA, kienu qed isiru diskussjonijiet ma’ Sadeen. Hi qalet li filwaqt li diġà hu ħażin li ħadd ma kien kapaċi jgħid min kien qed jinnegozja f’isem il-Prim Ministru ma’ Sadeen, hu ferm agħar li lanqas il-Prim Ministru sal-lum għadu ma kienx kapaċi jgħid lil min bagħat jinnegozja f’ismu.
Marthese Portelli żiedet li l-iSPED jitkellem dwar proċeduri li għandhom ikunu segwiti qabel tingħata art għall-iżvilupp. Skont dan id-dokument, l-użu ta’ art verġni għandu jkun l-aħħar mezz wara li jkun aċċertat li m’hemmx bini ieħor li jista’ jintuża jew li jsir minn spazju fejn diġà hemm żvilupp. Barra minn hekk meta jasal biex juża art verġni jrid jagħti raġunijiet ċari għal din l-għażla. F’dan il-każ il-Gvern mar għal kollox kontra dak li kiteb hu stess.
Ġirja ‘l isfel lejn in-nuqqas ta’ ħarsien tad-demokrazija
Marthese Portelli qalet li dak li qed isir illum hu ġirja ‘l isfel lejn in-nuqqas ta’ ħarsien tad-demokrazija. Hi qalet li nhar it-Tnejn filgħaxija saret laqgħa biex fiha tingħata l-informazzjoni mitluba mill-Oppożizzjoni li matulha la ngħatat l-informazzjoni mitluba u l-Oppożizzjoni lanqas tħalliet tagħmel domandi.
Marthese Portelli qalet li dan il-proċess kollu hu farsa u kollu falz. Kollox mgħaġġel mingġħajr trasparenza. Il-Gvern qed imur kontra d-dokument tal-iSPED u jrid jiffavorixxi bilfors lill-Ġordaniż.
Bid-dikjarazzjoni tal-Gvern meta kien qal li jekk isir fiż-Żonqor biss dan il-proġett jista’ jkun vijabbli, il-Gvern irid inaqqas il-valur tal-art verġni biex jagħmel dan il-proġett vijabbli għall-Ġordaniż.
//= $special ?>