Lokali

Il-ħajja f’Novembru tkompli togħla – L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika

F’Novembru l-ħajja għoliet għal 0.94% meta sena qabel, fl-istess xahar ir-rata tal-għoli tal-ħajja kienet fil-livell ta’ 0.84%. Dan ifisser li fuq perjodu ta’ sena, l-Indiċi tal-Prezzijiet wera żieda, minkejja li fuq ix-xahar ta’ qabel – Ottubru 2015 – kien hemm tnaqqis.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) qal li l-ikbar kontributur għal din iż-żieda fl-indiċi tal-prezzijiet kienu ż-żieda fl-Indiċi tal-prezzijiet tal-ikel, iż-żieda reġistrata fl-Indiċi tax-xorb u t-tabakk, u dik fl-Indiċi tad-divertiment u l-kultura. Dan minħabba żidiet fil-prezzijiet tal-ikel servut, fis-sigaretti u fiż-żjarat kulturali.

L-uniku tnaqqis ix-xahar li għadda, skont l-NSO, kien fil-prezzijiet tal-fuels u tal-gass li wasslu għal tnaqqis fl-indiċi tat-Trasport u l-Komunikazzjoni u dak tal-Ilma, Dawl, Gass u Fuels.

L-NSO qal ukoll li fuq il-perjodu ta’ tnax-il xahar bejn Novembru tas-sena li għaddiet u Novembru 2015, ir-rata medja tal-inflazzjoni kienet ta’ 1.03%. Dan ukoll ifisser żieda sostanzjali għax il-medja tat-tnax-il xahar ta’ qabel kienet fil-livell ta’ 0.39%