Lokali Parlament

Il-ħsara li ssir lill-ambjent fiż-Żonqor se tibqa’ hemm għal dejjem

L-Oppożizzjoni se tkompli tagħmel ħilitha biex il-pożizzjoni tagħha tispjegaha

Id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg qal li anke jekk għal darb’oħra l-Oppożizzjoni se tkun qed tirbaħ l-argument iżda titlef il-vot, se tkompli tagħmel ħilitha biex il-pożizzjoni tagħha tispjegaha hekk kif il-ħsara li se ssir lill-ambjent fiż-Żonqor se tibqa’ hemm għal dejjem.

F’dibattitu li fih il-kelliema tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni qed jalteraw biex jitkellmu fid-dibattitu dwar il-kuntratt li bih il-Gvern se jgħaddi l-art fiż-Żonqor u l-baċir f’Bormla lil investitur Ġordaniż, id-Deputat Nazzjonalista spjega fil-Parlament kif l-Oppożizzjoni se tkompli twettaq dmirha, tressaq l-argumenti tagħha u tappella lill-Gvern.

Antoine Borg qal li l-Prim Ministru qal li jerfa’ r-responsabbiltà, iżda l-Prim Ministru għad jispiċċa, imma l-ħsara li ssir lill-ambjent se tibqa’ hemm għal dejjem.

Antoine Borg qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jsejjaħ negattiv lil kull min jikkritikah. Min jagħmel din l-akkuża jkun qed ikun negattiv miegħu nnifsu.

Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li anke f’dan il-proġett, il-Gvern qed jikkontradixxi lilu nnifsu u f’illi jitkellem fuq proġett edukattiv u mbagħad jiftaħar li dan se jgħin lit-turiżmu. Fl-istess waqt b’dan il-proġett se ssir ħsara lill-ambjent.

Il-Gvern qed jgħid li jieħu lura l-art jekk jinkiser il-kuntratt, iżda ladarba jkun ittella’ l-bini m’hemmx dubju li l-ħsara tkun saret u mhux se titreġġa lura.