Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li l-mod li bih qed jimxi l-Gvern juri li dawk il-wegħdiet li għamel il-Partit Laburista qabel l-elezzjoni kien qiegħed biss jistad għall-voti.
Meta tkellem kmieni dalgħodu fid-dibattitu li kompla matul illejl fil-Parlament biex tingħata l-art taż-Żonqor lill-Ġordaniżi, Toni Bezzina qal li jaħseb il-fatt li fis-sajf li għadda l-Gvern qal li l-Prim Ministru laħaq ftehim f’minuta ma’ imprenditur Ġordaniż biex iwaqqaf università Amerikana f’Malta. Sadanaittant il-Gvern baqa’ jaħbi l-ftehim li laħaq ma’ dan l-imprenditur li bilfors iwassal biex iħalli ħafna mistoqsijiet u tħassib.
Il-mod qed jimxi l-Gvern f’dan il-każ juri nuqqas ta’ good governance u qed inissel ħafna tħassib fost in-nies. Il-Gvern qed jgħaddi biċċa art barra miż-żona ta’ żvilupp biex tinbena università meta lanqas għad m’hemm akkreditazzjoni.
Toni Bezzina staqsa jekk hux se ssir diskriminazzjoni f’każi simili ta’ trasferiment ta’ art u staqsa wkoll kif se jkun ikkalkulat iċ-ċens.
Id-Deputat Nazzjonalista qal li weġġa’ bil-kumment tal-Prim Ministru li l-Gvern Nazzjonalista rrenda n-naħa t’isfel bħala landa taż-żibel. Landa taż-żibel għamilha l-Gvern Laburista li se jġib tanker b’ħażna ta’ gass fil-port ta’ Marsaxlokk fost ħafna nuqqasijiet oħra. Gvernijiet Nazzjonalisti wettqu proġett wieħed wara ieħor biex sebbħu l-inħawi.
Toni Bezzina qal li meta jgħaddi ċ-ċens l-imprenditur Ġordaniz se jgħaddi lura l-art fi stat tajjeb. Hu staqsa jekk dan ifissirx li se jgħaddi lura l-art mingħajr il-bini li se jtella’.
//= $special ?>