A
Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, l-Erbgħa insista li z-zona Schengen kienet se tibqa’.
Dan hekk kif il-Ħamis jibda summit tal-Unjoni Ewropea li fiha dan il-ftehim kif ukoll il-kriżi tal-immigrazzjoni mistennija jkunu temi ewlenin li se jkunu diskussi.
Juncker iddefenda z-zona Schengen imma fl-istess ħin qal li l-pajjiżi membri kellhom ir-responsabbiltà li jiddefendu l-fruntieri tagħhom.
Fis-summit tal-Ħamis, il-mexxejja tal-UE se jiddiskutu wkoll pjani għal forza ta’ għassa tal-fruntieri Ewropej aktar b’saħħitha mill-Frontex.
Il-kriżi tal-immigrazzjoni li ħakmet lill-Unjoni Ewropea din is-sena poġġiet pressjoni kbira fuq il-prinċipju ta’ moviment ħieles fl-Unjoni Ewropea. Xi stati li kienu l-aktar taħt pressjoni mid-dħul tal-immigranti reġgħu daħħlu l-kontrolli tul il-fruntieri.
Quddiem il-Parlament Ewropew fi Strasburgu, fi Franza, Juncker qal li l-Ewropej m’għadx għandhom ħafna fruntieri imma waħda biss li kulħadd kellu responsabbiltà li jipproteġi.
Hu qal li pjani biex ikun hemm forza ta’ għassa tal-fruntieri Ewropej b’poteri ġodda u aktar b’saħħithom milli għandha l-Frontex bħalissa kienet xi ħaġa li messha saret mill-bidu tal-introduzzjoni tal-ftehim ta’ Schengen.
Il-Kummissjoni Ewropea issa qed tfittex l-appoġġ tal-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea biex din il-forza tidħol fis-seħħ. Imma hemm xi mexxejja li qed jaraw din il-forza bħala waħda li tikser is-sovranità tal-pajjiż.
Jinsisti li z-zona Schengen se tibqa’
