Lokali Parlament

L-itwal seduta fl-istorja tal-Parlament Malti

Seduti itwal minn dik li ntemmet dalgħodu kienu biss tnejn… fil-House of Commons u fil-House of Lords

Is-seduta tal-Parlament li bdiet ilbieraħ filgħaxija u ntemmet dalgħodu fid-9.30am f’maratona ta’ dibattittu li rat lill-Gvern jgħaddi l-art ODZ fiż-Żonqor lil żviluppatur Ġordaniż, kienet l-aktar seduta twila fl-istorja tal-Parlament Malti.

Seduti itwal minn dik li ntemmet dalgħodu ta’ 15-il siegħa u nofs fil-Parlament Malti saru tnejn, fil-House of Commons u fil-House of Lords.

Dan iddikjarah l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrrugia fi tmiem is-seduta tal-lejla li bdiet fis-6pm u għalqet kmieni aktar mis-soltu, siegħa u nofs qabel. Ix-xogħol tal-Kamra tad-Deputati jieqaf għall-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena. Il-Parlament jerġa’ jiltaqa’ t-Tnejn 11 ta’ Jannar bl-awgurju li fost l-ewwel Abbozzi ta’ liġijiet li jitressqu jkun hemm l-Abbozz li se jagħti awtonomija aktar lill-Parlament Malti.

L-Ispeaker ingħaqad mal-Whip tal-Gvern Godfrey Farrugia u l-Whip tal-Oppożizzjoni David Agius fl-awgurju lil xulxin għal Milied ħieni u s-sena l-ġdida. Huma awguraw u rringrazzjaw lill-ħaddiema kollha tal-Parlament, lill-Pulizija responsbabli mis-sigurtà tal-binja tal-Parlament, u lill-poplu kollu Malti b’mod speċjali lil dawk kollha li jsewgu x-xogħol tal-Parlament.

Rekord ta’ 31 mozzjoni privata tal-Oppożizzjoni
Fi tmiem is-seduta u qabel ma sar l-aħħar aġġornament għal din is-sena fil-Parlament li sar mid-Deputat Speaker u Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea, l-Ispeaker ta rendikont tax-xogħol parlamentari li sar tul din il-leġislatura, minn meta April tal-2013 sal-lum.

B’kollox saru 341 seduta fil-plenarja, il-11-il Kumitat tal-Kamra ltaqa’ 317-il darba, u saru wkoll numru ta’ laqgħat konġunti u laqgħat speċjali oħrajn.

Kienu preżentati 295 mozzjoni, rekord ta’ 31 mozzjoni privata tal-Oppożizzjoni, għaddew aktar minn 100 abbozz ta’ liġi li kienu approvati mill-Parlament, u saru żewġ petizzjonijiet.

22,000 mistoqsija parlamentari u s-sedja ntalbet tagħti 61 ruling
Intalbet ukoll fil-votazzjonijiet li ttieħdu, 259 division; saru 22,000 mistoqsija parlamentari, tqiegħdu 6,300 dokument fuq il-Mejda tal-Kamra, saru 240 aġġornament, 50 stqarrija ministerjali mill-Gvern u s-sedja ntalbet tagħti 61 ruling dwar punti ta’ ordni li tqajmu.

Ġie ppubblikat ukoll it-tielet volum ta’ deċiżjonijiet tas-Sedja, u pubblikazzjonijiet oħrajn li jimmarkaw ġrajjiet partikolari.
Membri Parlamentari, u l-Ispeaker, ipparteċipaw f’diversi laqgħat barra minn Malta. Kien hemm ukoll 30,000 hit fix-xahar fil-websajt tal-Parlament u kien hemm elfejn persuna li b’mod komtemporanju użaw is-servizzi onlajn.

Kienu organizzati numuu kbir ta’ esebizzjonijiet fil-bini tal-Parlament il-ġdid li fetaħ aktar kmieni din is-sena, fl-4 ta’ Mejju li għadda, biex immarka żvilupp importanti u bidu ġdid fil-ħajja tal-Parlament Malti. Fost dawn kien hemm il-wirja tal-proġett tal-bini l-ġdid tal-Parlament disinjat mill-Perit ta’ fama mondjali, Renzo Piano, li kien preżenti fil-bidu ta’ Settembru biex inawgura din il-wirja fil-bini disinjat minnu stess.

Il-bini tal-Parlament hu bbukkjat bil-wirjiet għas-sena d-dieħla kollha.