Ambjent Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni titlob gwida dwar il-vot fuq l-art f’Żonqor

Simon Busuttil jgħid li l-Kamra qed tiġi mitluba tivvota fuq kuntratt li fih hemm diskrepanzi kbar u li hu kontra l-liġi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni talab lill-ispeaker jiggwida lill-Parlament qabel ma jittieħed il-vot dwar it-trasferiment tal-art fiż-Żonqor lin-negozjant Ġordaniż minħabba li l-Parlament qed jiġi mitlub jivvota fuq operat ta’ Universita’ – meta l-Gvern stess iddikjara li din mhix Universita’ iżda istituzzjoni għolja edukattiva.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li hemm diskrepanzi kbar bejn dak illi l-Parlament qed jintalab japprova u dak li hemm dikjarat fil-mozzjoni, li tirreferi għat-titlu ta’ Universita’, meta l-iżvilupp fiż-Żonqor se jkun għal istituzzjoni edukattiva.

Simon Busuttil ikkwota mil-liġi li tgħid illi titlu ta’ Universita’ ma jista’ qatt jintuża f’isem ta’ istituzzjoni li ma jkollhiex liċenzja ta’ Univerista’.

Il-Gvern minn naħa tiegħu ma qabilx ma’ dan, bil-Ministru Evarist Bartolo jgħid illi l-akkreditazzjoni għal istituzzjoni edukattiva għolja twassal eventwalment għal liċenzja ta’ Universita’.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni sejjaħ din l-ispjegazzjoni tal-Gvern bħala diżonesta u saħaq li l-Parlament qed jiġi mitlub jivvota fuq dokument li ma jaqbilx mad-dikjarazzjonijiet tal-Gvern, bil-kuntratt jirreferi kontinwament għal American University of Malta meta l-liġi tgħid ċar li l-ebda istituzzjoni ma tista’ tuża’ t-titlu ta’ Universita’.

Il-Kamra bħalissa hi sospiża.