L-Oppożizzjoni trid investiment edukattiv li ma jkunx biss għall-istudenti Maltin iżda anke għal studenti barranin. Iżda l-Gvern ma jistax jippreżenta xi ħaġa li ma teżistix meta sa ħmistax-il ġurnata ilu l-Ministru Bartolo kien għadu jsejjaħ dan il-proġett bħala università u kien f’dan id-dibattitu biss li kkonferma li din mhi università xejn.
Id-Deputat Nazzjonalista George Pullicino qal fil-Parlament f’dibattitu li qed jibqa’ għaddej matul illejl dwar l-għoti ta’ art fiż-Żonqor lil investitur Ġordaniż, li hu ovvju li n-naħa tal-Gvern se jirnexxielha tgħaddi din il-mozzjoni.
Kien hemm biss id-Deputat Marlene Farrugia li ressqet ‘il quddiem l-argument tal-Partit Laburista ta’ qabel l-elezzjoni meta kien wera li jinteressah il-ħarsien tal-ambjent. Illum il-Partit Laburista qed jippreżenta stampa differenti.
L-isplużjoni fl-istudenti sar meta l-Gvern wessa’ l-opportunitajiet ta’ min seta’ jattendi l-università
George Pullicino qal li l-Prim Ministru waqqa’ l-argumenti kollha li għamel b’dikjarazzjoni waħda meta qal li l-Oppożizzjoni ma tridx aktar universitajiet. Kien il-Partit Nazzjonalista li waqqaf l-università ta’ Malta biex minn ftit mijiet illum saru eluf.
Dwar l-istudenti min-naħa t’isfel ta’ Malta, fl-1991 kien hemm 30 student. Fl-2010 gradwaw 308 student min-naħa t’isfel ta’ Malta. Dan ifisser li l-isplużjoni fin-numru ta’ studenti sar meta l-Gvern wessa’ l-opportunitajiet ta’ min seta’ jattendi l-università.
George Pullicino qal li llum il-Gvern qed jipprova jiftaħar bi ftuħ ta’ università oħra meta fil-fatt lanqas ma hi università. Dwar l-MCAST, żgur mhux il-Partit Laburista li jista’ jiftaħar b’din l-istituzzjoni. Il-Gvern Laburista għalaq dan l-istitut u kellu jkun il-PN fil-Gvern biex reġa’ fetħu.
George Pullicino qal li jaqbel mal-Ministru Bartolo li Malta għandha tipproġetta ruħha bħala ċentru ta’ kwalità fl-edukazzjoni. Imma dan għandu jsir b’livelli ta’ kwalità.
In-naħa t’isfel trattaha landa taż-żibel min ried itellef il-finanzjament għall-impjant tar-riċiklaġġ
Għall-kumment tal-Prim Ministru li n-naħa t’isfel ġiet trattata bħala landa taż-żibel, George Pullicino qal li trattaha din in-naħa tal-pajjiż bħala landa taż-żibel min ried jagħmel minn kollox biex itellef il-finanzjament għall-impjant tar-riċiklaġġ.
Il-Gvern preċedenti f’Wied il-Għajn għamel park għall-familja u l-ewwel ħaġa li għamel il-Ministru Leo Brincat kien li għalaq il-post bl-iskuża li kien hemm tniġġiż. Meta ġie ppruvat li dak kien biss qerq, reġa’ nfetaħ, tħalla żdingat u beda l-proeċess biex jiprivatizzah.
George Pullicino qal li l-Oppożizzjoni taqbel li l-pajjiż għandu potenzjal li jiżviluppa l-qasam edukattiv. Meta kien hemm kunsens kif sar fil-qasam tas-settur finanzjarju, il-pajjiż kiseb suċċess. F’dan il-każ, il-Gvern mhux biss ma riedx kunsens anzi dejjem fittex il-konfront. Il-Gvern ma setax ifittex kunsens meta l-Prim Ministru ftaħar li ftiehem ma’ Sadeen f’minuta. Dak li qed isir illum hu biss biex ikun hemm pressjoni fuq il-Kummissjoni ħalli tagħti l-akkreditazzjoni.
George Pullicino qal li l-Gvern niżżel il-livelli mitluba biex tingħata akkreditazzjoni ta’ università. Dan sar biex Sadeen ikun jista’ jgħaddi mill-proċess u jingħata akkreditazzjoni.
Reklamar ta’ università bla liċenzja hu ksur tal-liġi tal-edukazzjoni
Id-Deputat Nazzjonalista qal li filwaqt li l-Ministru Evarist Bartolo qal li mhux responsabbiltà tiegħu li ma jkunx hemm reklamar dwar università jekk ma jkunx hemm liċenzja, fil-fatt dan il-ksur hu dwar il-liġi tal-edukazzjoni li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
George Pullicino sejjaħ lill-Ministru biex jieħu passi u ma jħallix li jkompli jsir dan ir-reklamar kontra l-liġi. Il-Gvern ukoll kiser il-liġi meta ppermetta li jsir dan ir-reklamar f’attività organizzata minnu stess.
//= $special ?>