Fi stqarrija l-għaqda tal-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM) ukoll iddikjarat id-diżappunt tagħha għall-vot Parlamentari biex tinbena ‘università suppost Amerikana’ fuq art ODZ fiż-Żonqor. L-SDM ikkritikat il-proċess karatterizzat mill-għaġla kbira biex l-art tinbiegħ lill-Grupp Sadeen qabel ma jintemm il-proċess biex tinħareġ l-akkreditazzjoni edukattiva u qabel ma jintemm il-proċess tal-ippjanar.
Anke l-SDM ikkummentat fuq l-aħbar li ħarġet mill-Parlament li minkejja li l-hekk imsejħa università tħalliet tippromwovi lilha nnifsiha bħala tali, l-iżviluppatur Ġordaniż fil-fatt m’applikax għal liċenzja ta’ università imma għal istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja. L-istqarrija tal-SDM ukoll tikkritika l-fatt li ġew injorati l-iSPED u l-alternattivi proposti. U tkompli li ġara x’ġara fil-passat, dan ma jiġġustifikax l-azzjonijiet tal-gvern preżenti li mhux qed jimxi bi trasparenza u qed jikser dak li wiegħed qabel l-aħħar elezzjoni. “Fuq żvilupp f’ODZ għandu jkollna tolleranza żero” ittemm tgħid l-istqarrija, bl-SDM tħeġġeġ għal azzjoni mill-istudenti u l-għaqdiet tagħhom kontra din id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista.
//= $special ?>


